Alessandro Del Piero twieled bħal-lum 43 sena, ġewwa Conegliano fit-Tramuntana tal-Italja. Ommu, Bruna, kienet tibża’ li jweġġa’ allura kienet tisfurzah jilgħab bħala gowler.

Darba fost l-oħrajn, ħuh Stefano kkonvinċieha biex jilgħab attakkant minħabba t-teknika sopraffina tiegħu. Din kienet l-isbaħ u l-aħjar ħaġa li qatt għamel Stefano, hekk kif bis-saħħa tiegħu rajna ma’ Juventus wieħed mill-aqwa plejers għal dik li hija teknika, kif ukoll l-aqwa plejer bħala ġentlomerija u sagrifiċċji.

Fl-1993 Del Piero nxtara minn Juventus u lagħab magħhom għal 19-il staġun sħiħ, 11 minnhom bħala captain tat-tim. Lagħab 700 logħba fejn skorja 289 gowl u għamel 64 assist. 37 karta safra u ħamra waħda biss. Meta tikkunsidra li Totti tkeċċa 13-il darba biżżejjed hu. S’issa huwa l-iżjed plejer li qatt lagħab u skorja ma’ Juventus. Rebaħ Champions League, 8 scudetti, Coppa Italia, 4 Supercoppa Italiana, Kampjonat ta’ Serie B, Tazza Interkontinentali, 2 Supercups Ewropej, u sar 4 darbiet top scorer.

Kbira biex isemmu gowl għalik. Il gol alla Del Piero.

Jiena kbirt miegħu, mingħandu tgħallimt ħafna. Sfortunatament ma tgħallimtx kif nilgħab futbol, imma tgħallimt kif għandi nġib ruħi, li għandi naħdem, nagħti l-120% tiegħi, sens ta’ sagrifiċċju, u kif meta jkun hemm bżonn nintervjeni. Ma ninsewx li niżel Serie B u bil-gowls tiegħu rġajna tlajna mill-ewwel, li kien lest iċedi postu lil Ibra, u li meta kiber aċċetta li jkun sostitut u jidħol biss għaxar minuti. Imma dawk l-għaxar minuti, kien jagħmel id-differenza.

Hawn taħt ħa nipprova nagħżel l-aqwa għaxar mumenti tal-Capitano. Proprja ppruvajt nagħzel ħamsa, imma impossibbli. F’ordni ta’ żmien u mhux importanza. Minħabba l-età tiegħi ma niftakarx kollox ovvjament, u ħa nagħżel milli niftakar, bl-ebda riċerka, biex b’hekk ikunu żgur għaxra li vera laqtuni.

Poġġi bilqiegħda, ġib popkorn, u ħafna tissues.

  • 5 Maggio 2002

Hemm għalfejn nikkummenta?

  • Milan vs Juventus 2005

Jidħol waqt il-partita. 27 minuta wara li jkun fil-grawnd…maġija! Bis-saħħa ta’ dan l-assist u gowl Juventus rebħu l-kampjonat.

  • Inter vs Juventus 2006

Penalty u free kick huma l-istess għal Del Piero. It-twelid tal-Linguaccia.

  • Juventus rebbieħa ta’ Serie B 2006-2007

“Grazzi lil kulħadd. Talli emmintu fina. Talli ma ħallejtuniex waħidna.” Kliem Alex waqt il-premjazzjoni. Top scorer Serie B.

  • Real Madrid vs Juventus – 2008

Doppjetta ġol-Bernabeu. Ejja ngħidu li mhux faċli tagħmilha meta tkun imdawwar bi Tiago, Legrottaglie, Molinaro, Mellberg, u Marchionni…

Ta’ min jinnota l-klassi ta’ Del Piero li jħalli lil De Ceglie jieħu standing ovation.

  • Juventus vs Shamrock Rovers – 2010

Il-Captain issibu anke kontra tim ma jafu ħadd, fil-preliminari, fl-eqqel t’Awwissu.

  • Del Piero jiffirma kuntratt vojt – 2011

Trid tkun iblah biex tiffirma kuntratt vojt, mingħajr ma jkunu qalulek x’ħa jkun fih. Speċjalment jekk ikun ta’ xogħol! Imma min ikun iblah bl-imħabba għal mara, f’dal-każ La Vecchia Signora, hekk jagħmel.

Del Piero meta kien ħa jiskadi l-kuntratt fl-2011 iffirma proprju hekk. Tefa’ l-firma fl-aħħar u ħalla lil Juventus jiktbu li jridu fil-kuntratt, b’fiduċja totali. Kien lest anke jilgħab b’xejn!

  • Juventus vs Lazio – 2012

37 minuta tat-tieni taqsima. Draw. 1-1. Eċitament. Nervi. Passjoni. B’rebħa Juventus jieħdu għal darb’oħra l-lig. Lig li ilu nieqes ħafna snin. Ma jridx jerġa’ jidħol il-ballun. Marchetti qed jagħmel il-mirakli. Free kick ’il bogħod sew mill-kaxxa. Pirlo jikkustinja mar-referì minħabba l-barriera.

Imma Del Piero ma jagħtix kas u…

  • L-aħħar logħba ma’ Juventus – 2012

L-aħħar logħba, l-aħħar gowl.

“Qatt ma rajt daqshekk irġiel jibku f’ħajti” – Giochiamo Ancora – Del Piero

Ħadd ma ta kas iżjed tal-partita, lanqas il-plejers naħseb, biex isellmu lil-leġġenda li hu Del Piero.

  • Juventus rebbieħa tal-Iscudetto 2012

Juventus li reġgħet ir-Reġina tal-Italja. Del Piero li fl-aħħar staġun jgħolli t-tazza, l-aħħar tazza, u jiftaħ iċ-ċiklu l-ġdid. Wara 6 snin ta’ sofferenzi. Wara darbtejn konsekuttivi s-seba’ post. Jgħaddi t-torċa lil Buffon. Iqabbdek il-bard.

Aaaa come gioca Del Piero…

Awguri Capitano. 43 sena. Dejjem f’qalbi.

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280