Li ngħidu li dan l-istaġun kien wieħed mentalment iebes kemm għalina s-sapporters kif ukoll għal dawk kollha involuti fit-tmexxija tat-tim Juventin, tkun sottostima mill-kbar. Fl-artiklu ta qabel iddeskrivejt dan l-istaġun bħala wieħed anomalu, u minn ċerti aspetti hekk hu. Pero minn aspett ta rebħ huwa anomalu? U x’għandu jkun il-futur tal-kowċ?

Dis-sena it-tim ta qalbna irnexxilu jirbaħ tnejn minn erba trofej li kkompeta fihom, is-supercoppa u l-iżjed riċenti, il-Coppa Italia. Tgħiduli l-iżjed tnejn importanti baqaw ma waslux! Minn naħa nasal li naqbel ma din id-dikjarazzjoni pero nirribatti billi ngħid li tazza dejjem tibqa tazza u qatt ħadd ma jiddejjaq jgħolli tazza fl-aħħar tal-istaġun. Inżid mal-argument billi nfakkar li bir-rebħa kontra l-Atalanta ta nhar l-erbgħa, qbiżna lir-rivali Inter żewg tazzi għal waħda dan l-istaġun!

Mela mill-aspett ta rebħ u trofej għal-J Museum ma nbidel xejn għajr it-tazzi li ntrebħu. Niġu għall-kwistjoni tal-lig. Vera dan ma ntrebaħx u għad għandna ċans kbir li nispiċċaw barra l-ewwel erbgħa. Jien nemmen li dan l-istaġun u dan id-diżastru fis-Serie A ilhu ġej mill-inqas tlett snin, mill-aħħar sena ta Allegri.

Għalkemm dik is-sena nistgħu ngħidu li ġrejna bil-lig, is-sens ta apatija fit-tip u stil ta logħob kien jinħass sew. Id-diriġenza wiġbet għal dan billi appuntat lil Sarri, li għalkemm prova jbiddel il-mentalita tat-tim, pjuttost kawża tal-karattru tiegħu, tilef il-fiduċja tal-iskwadra u dan irriżulta fir-rebħ ta titlu mqanżah. Allura għandna niħduha bi kbira li dis-sena ċedejna t-tron daqshekk faċilment?

U hawnhekk niġi għall-punt fuq Andrea Pirlo. Għall-mistoqsija t’hawn fuq wieħed jista jagħmel żewg argumenti u għalhekk fl-oppinjoni tiegħi tinħoloq dilemma! Il-punt favur it-tneħħija tal-maestro huwa li l-logħob taħtu baqa medjokri, bqajna naraw logħob imqanżah u plejers bla aptit ta logħob fil-maġġoranza assoluta tal-partiti. Logħob li rriżulta f’telf jew draws umiljanti kontra timijiet ferm inqas b’saħħithom minna. Dan biex ma nsemmux li fuq il-karta għandna l-aqwa tim fil-lig u fuq il-kotba għandna l-għola spiża ta salarji fl-Italja! Mela b’dawn l-aspetti negattivi kollha, Pirlo out!

Imma! Hemm ukoll fatturi oħra li dawk favur il-kowċ għandhom raġun iqajmu. L-iktar fattur evidenti hija l-ħila ta Pirlo li jqajjem it-tim f’okkażjonijiet importanti. Niftakru is-supercoppa kontra Napoli, niftakru it-tidwira li tajna lill-Barċellona, l-eliminazzjoni ta Inter mill-coppa, u l-iżjed riċenti, ir-rebħa tal-coppa kontra tim b’saħħtu bħall-Atalanta, b’wirja stupenda fit-tieni taqsima. Kien hemm iżjed partiti kontra timijiet kbar li rbaħna b’mod konvinċenti u matul dawn il-partiti ħareġ aspett tal-karattru tal-kowċ.

Pirlo għandu passjoni għall-logħoba! Lill-klabb iħobbu u jirrispettaħ u fuq kollox għandu r-rispett tat-tim. Għalinqas jidher li dan hu l-każ. Nistqarr ukoll li jħossu bħal ma jgħidu l-Ingliżi one of the boys. Dan jista jkun ħabba l-eta żagħżugħa tiegħu, l-fatt li għandu ħbiberija ma numru ta plejers fit-tim kif ukoll li jaf huwa idolu tal-plejers l-oħra fl-iskwadra.

Allura, insaqsi, hemm dilemma? Żgur li Pirlo għad baqalu ħafna x’jitgħallem u żgur ukoll li tgħallem ħafna din is-sena. Jekk nagħmluha mal-ewwel erbgħa jkun hemm lok li jingħata ċans ieħor fid-dawl ta finanzi prekarji li jaf iżommu idejn id-diriġenza milli tmur għall-kowċ b’pakkett finanzjarju estravaganti? Se jsir it-tibdil li hemm bżonn fit-tim u Pirlo jingħata l-plejers li jixtieq hu?

Ħa nirriskjaw staġun ieħor bla lig u champions league? Jew inkella se nerġaw nibdew mill-bidu b’kowċ ta esperjenza? Jiġri x’jiġri d-dilemma qegħda hemm. Qegħda hemm għax kull deċiżjoni fil-futbol u fil-ħajja hija riskju.

Pirlo In jew Pirlo Out, dejjem wara t-tim! Alla prossima…