Il-Kumitat tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero ħa d-deċiżjoni li jestendi l-inizjattiva li nieda f’Ġunju u li permezz tagħha qed jippremja lill-membri tiegħu b’inċentiv ġdid li jwassal għal traħħis fil-prezz tas-sħubija.

Permezz ta’ din l-offerta, li kienet tiskadi fi tmiem Awwissu, persuna li tissieħeb membru mal-klabb tista’ ddaħħal persuna oħra bħala membru tal-klabb għal nofs il-prezz. Dan fl-istess waqt li ż-żewġ persuni jgawdu mill-istess benefiċċji, inkluż skont minn numru kbir ta’ stabbilimenti lokali, kif ukoll dħul b’xejn fil-klabb.

Din l-offerta issa qed tiġi estiża anke għaliex il-Kumitat jirrikonoxxi li ħafna membri tiegħu għadhom isofru minn inċertezza minħabba l-pandemija.

Apparti minn hekk, il-Kumitat japprezza li numru ta’ benefiċċji li kienu offruti mas-sħubija, bħal pereżempju l-possibbiltà li wieħed jikseb biljetti għal logħob ta’ Juventus, għalissa jinsabu sospiżi minħabba restrizzjonijiet dwar kemm jista’ jkun hemm partitarji fl-Allianz Stadium.