Iċ-Champions renjanti ta’ Juventus bdew id-difiża tat-titlu ta’ Viareggio b’rebħa drammatika fuq iċ-Ċeki ta’ Dukla Praha bl-iskor ta’ 2-1. Nicola Mosti u Mehdi Léris niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers sabiex taw it-tliet punti lit-tim ta’ Fabio Grosso.

Fl-ewwel battuti tal-partita Juventus kienu diġà marru fil-vantaġġ meta Muratore ttanta xortih minn barra l-kaxxa, il-ballun ġie devjat f’saqajn Zeqiri u dan tal-aħħar kien pront qassam lil Mosti li quddiem lasta vojta ma falliex għal 1-0.

Madankollu, iċ-Ċeki dejjem baqgħu reattivi tul il-logħba u ma kenitx sorpriża meta fit-82 minuta ġabu d-draw permezz ta’ Cermak meta ħarab lid-difiża ta’ Juventus u tefa’ l-ballun wara Loria.

Però x-xorti riedet li Juventus joħorġu rebbieħa u infatti dan seħħ proprju qabel it-tisfira finali. Léris irċieva kross mix-xellug u kien pront venven xutt akrobatiku li għeleb għalkollox lill-goalkeeper avversarju u tefa’ f’dellirju ta’ ferħ lill-partitarji preżenti.

Wara l-partita, Grosso stqarr li kien kuntent bit-tliet punti iżda jemmen li t-tim baqagħlu x’joffri għaliex f’dan il-konfront sofra iżjed milli kien mistenni.

L-ewwel ħdax ta’ Juventus: Loria; Coccolo, Andersson, Semprini, Rogerio, Bove, Kanouté, Muratore, Mosti, Matheus, Zeqiri.

L-impenn li jmiss ta’ Juventus se jkun nhar l-Erbgħa, hekk kif jiltaqgħu kontra l-Kanadiżi ta’ Toronto FC, li fl-ewwel partita tagħhom ġew draw ta’ 3-3 kontra t-Taljani ta’ Maceratese.

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280