Iktar ma nersqu viċin it-tmiem tal-kampjonati, qed naraw li t-timijiet ta’ Leicester, Juventus, Bayern Munich u Barcelona se jingħaqdu ma’ Paris St Germain bħala r-rebbieħa tal-kampjonati nazzjonali tagħhom, anke jekk forsi Barcelona ħarġu telliefa kontra r-rivali eterni tagħhom Real Madrid.
Il-formazzjoni magħżula din il-ġimgħa hija dik ta’ 4-3-3
Gowler: Rene Adler (Hamburg)- Logħba bla storja hekk kif Hannover komplew iżommu posthom fil-qiegħ tal-klassifika Ġermaniża wara telfa oħra ta’ 3-0 f’darhom kontra Hamburg. Mit-tim ta’ Hamburg spikka l-gowler eks-Leverkusen, li kellu logħba tajba immens u żamm lit-tim ta’ Hannover milli jiġbor imqar punt. Madankollu Adler kien ferm attent u l-prestazzjoni tiegħu wasslet biex Hamburg isaħħu posthom f’nofs il-klassifika. Vot: 9.1
Difensur: Kevin Malcuit (St Etienne)- Id-difensur lemini Franċiż għen billi kien strumentali fuq il-linja laterali. Fil-fatt, bis-saħħa tad-difensur Malcuit, it-tim li qed jiġġieled għal post fl-Ewropa rebħu logħba importanti kontra Ajaccio, li anke dawn jidher li s-sena d-dieħla ħa jkunu qed jilagħbu fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, anke jekk forsi għandhom l-istess punti ta’ Reims. Malcuit assista għall-gowl li fetaħ l-iskor wara gowl ta’ Roux. Vot: 8.7
Difensur: Wes Morgan (Leicester)- Id-difensur mexxej u kaptan tal-vapur ta’ Leicester, baqa’ konsistenti fil-logħob tiegħu u għal darb’oħra kien kolonna fid-difiża ta’ Leicester flimkien ma’ Huth. Madankollu din il-ġimgħa Morgan skurja l-gowl rebbieħ li bihom Leicester sfruttaw mid-draw ta’ Tottenham u b’hekk issa qegħdin 7 punti fuq it-tim ta’ Londra. Vot: 8.2
Difensur: Daniele Rugani (Juventus)- Iż-żagħżugħ Rugani kien sod u fil-fatt waqqaf ħafna drabi lil Maccarone milli jkun ta’ periklu għal Buffon. Wara l-logħba fil-Coppa Italia kontra Inter, ħafna ħasbu li Rugani ħa jsib wiċċu ’l bogħod minn Turin is-sena d-dieħla, madankollu fl-aħħar logħbiet fejn Chiellini kien qiegħed qed jirkupra minn injury, Rugani kien sod u qed juri li għad ikun plejer ta’ kalibru għal Juventus. Vot: 8.0
Difensur: Filipe Luis (Atletico Madrid)- Rebħa kbira ta’ Atletico kontra Betis, rebħa li għenet sabiex jibqgħu jagħmlu pressjoni fuq Barcelona, speċjalment wara t-telfa tal-qawwa Spanjola. Il-Brażiljan kellu logħba tajba ħafna fuq ix-xellug u spikka ħafna. Illejla stess naraw lil Atletico jaffaċċjaw lil Barcelona fiċ-Champions League. Filipe Luis ħa jerġa’ jagħmel xi froġa kontra Messi jew ħa jerġa’ jkollu logħba tajba ħafna? Vot: 8.5
Midfielder: Manuel Lanzini (West Ham)- Draw diżappuntanti għal West Ham biex is-sena d-dieħla narawhom jilagħbu fl-Ewropa. Madankollu, minkejja d-draw kontra Palace, l-Arġentin Lanzini kellu logħba straordinarja u skurja wkoll gowl importanti flimkien ma’ Payet. Tul il-logħba, Lanzini kien perikoluż bid-dribbling u l-veloċità tiegħu. Għażla importanti għal Bilic? Vot: 8.9
Midfielder: Pablo De Blasis (Mainz 05)- Rebħa oħra għal Mainz, u rebħa oħra biex jibqgħu jagħmlu pressjoni fuq Schalke u s-sena d-dieħla narawhom jilagħbu fl-Europa League. Doppjetta ta’ De Blasis, assigurat u logħba straordinarja tal-Arġentin, wasslet biex Mainz jieħdu t-tliet punti kollha. Vot: 8.8
Midfielder: Casemiro (Real Madrid)- Logħba eċċezzjonali tal-Brażiljan ta’ Real Madrid, straordinarju fil-logħba kontra Barcelona. Tul il-logħba, Casemiro żamm kwiet lill-fenomenu Messi, seraq il-blalen min-nofs il-grawnd ħafna drabi u wera li kien żball meta Benitez kien ħallieh fuq il-bank meta lagħbu fil-Bernabeu. Vot: 8.3
Attakkant: Suso (Genoa)- Genoa kellhom rebħa kbira ta’ 4-0 kontra Frosinone. Tripletta tal-plejer eks-Liverpool u Milan, Suso. Staġun impressjonanti għall-Ispanjol minn meta ngħaqad ma’ Genoa, fejn kien ta’ ingress importanti għal Gasperini, fejn f’għaxar logħbiet skurja 4 u assista gowl. Vot: 10.0
Attakkant: Thorgan Hazard (Borussia Monchengladbach)- Doppjetta għaż-żagħżugħ Hazard, ħu l-famuż Eden, plejer ta’ Chelsea. B’differenza ta’ ħuh, Thorgan kellu staġun pożittiv ferm, u wera li huwa plejer ieħor interessanti fil-lista tan-nazzjonal tal-Belġju. 3 punti importanti oħra għal Gladbach biex is-sena d-dieħla jerġgħu jiksbu posthom fl-aqwa kompetizzjoni Ewropea. Vot: 10.0
Attakkant: Eder (Lille)- Rebħa ta’ 3-0 ta’ Lille, li issa huwa tard wisq biex jirnexxilhom jiksbu post fl-Ewropa hekk kif wasalna lejn l-aħħar tal-kampjonat Franċiż. Doppjetta tal-Portugiż, fejn wera li huwa punta li jista’ jgħin lill-Portugal fis-Sajf hekk kif jilagħbu fil-kampjonati Ewropej. Vot: 9.8
Kowċ: Zinedine Zidane (Real Madrid)- Grinta, determinazzjoni u għatx għar-rebħa fl-ewwel logħba tiegħu kontra Barcelona. It-tattika ta’ Zidane kienet tajba immens speċjalment is-sostituzzjonijiet li għamel tul il-logħba sabiex iżomm ir-riżultat favur Real, anke meta dawn kienu bi plejer inqas wara t-tkeċċija ta’ Ramos.