Illum, id-19 ta’ Settembru 2020 u ftit aktar tard mis-snin ta’ qabel, jibda kampjonat ieħor tas-Serie A. Kampjonat b’differenza min dawk ta’ qabel. Kampjonat li fih ser naraw ammont kbir ta’ logħbiet mingħajr is-sapport tal-pubbliku u mingħajr il-kant tal-korijiet.

Tgħiduli: “Diġa’ esperjenzajna dan kollu lejn l-aħħar logħbiet tal-kampjonat preċedenti u bla ebda dubju rajna d-differenza.”

Huwa veru li diġa’ esperjenzajna dan kollu u veru wkoll li rajna d-differenza, imma jibqa’ l-fatt li hu ferm diffiċli meta taf li ser tibda kampjonat ieħor b’dan il-mod u ma tafx meta l-pubbliku, jew aħjar is-sapporters, ser jirritornaw fl-istadiums. Dan speċjalment għal min hu bħalna u jħobb il-logħba tal-ballun.

Bin-nuqqas ta’ dan kollu, illum il-ġurnata s-sapporter ser ikun aktar akkanit, aktar b’ċertu stennija għal-logħba, b’aktar ħeġġa li jasal il-ħin li jisma’ dik is-suffara u jkun hemm lest fuq dak is-siġġu, sufan, fis-sodda, il-klabb, id-dar, il-każin …

Bin-nuqqas ta’ dan kollu u f’din ir-realtà ġdida, fi ftit minuti oħra ser ikun qed jibda kampjonat ieħor, fi ftit sigħat oħra aħna l-Juventini ser inkunu qed nistennew u nilgħabu l-ewwel logħba tagħna kontra Sampdoria ġewwa Turin, ser inkunu qed nibdew it-triq biex niddefendu t-titlu ta’ Campioni d’Italia għal darb’oħra u nippruvaw inkabbru l-istorja u nagħmluhom għaxra wara xulxin.

Bejni u bejn ruħi nibda naħseb u mmur lura għal ftit tas-snin ilu meta għal ħafna lanqas biss kien jgħaddi minn moħħhom li qatt nistgħu nagħmlu dak li għamilna minn meta kien sar minn kollox biex niġu eliminati darba għal dejjem minn fuq il-mappa kalċistika fl-Italja, fl-Ewropa u dik mondjali. Biss ma kienx hekk, u grazzi għall-familja Agnelli u l-imħabba u l-investiment li dejjem għamlu fit-tim Juventin, illum il-ġurnata wasalna u qegħdin fejn qegħdin.

Nagħlaq billi nfakkarkom fi frażi li kien jgħid il-mibki Gianni Agnelli: “Vinca la Juve o vinca il migliore, sono fortunato, spesso le due cose coincidono.”

Fino Alla Fine!