Wara d-diżappunt fl-aħħar partita ġewwa Firenze fejn Juventus ħargu telliefa bl-iskor ta’ 2-1, kien imperattiv għalihom li joħorgu rebbieħa fil-konfront kontra Lazio.

Massimiliano Allegri ddeċċieda li jutilizza l-formazzjoni ta’ 4-2-3-1. Gianluigi Buffon jiddefendi l-lasta, bl-erbgħa difensuri jkunu Lichsteiner, Bonucci, Cheillini u Asamoah. Iż-żewg midfielders ta’ quddiem id-difiża kienu Sami Khedira u Miralem Pjanic. It-tlieta li kienu ta’ appoġġ wara l-attakant prinċipali Gonzalo Higuain kienu Juan Cuadrado, Paolo Dybala u l-kroat Mario Mandzukic.

Kien bidu b’saħħtu ħafna għat-tim ta’ Juventus fejn riedu akkost ta’ kollox juru li l-logħba kontra Fiorentina kienet verament ‘off-day’. Infatti fil-ħames minuta marru fil-vantaġġ meta Mario Mandzukic rċieva ballun pinġut fuq rasu li waqqa preċiż fuq l-istilla Arġentina ta’ Juventus Paolo Dybala li b’xutt mal-ewwel b’saħħtu għeleb lil Marchetti għall-vantaġġ Juventin.

Fis 16-il minuta Juventus irduppjaw permezz tal-attakant prolifiku Arġentin, Gonzalo Higuain. Kien kross preċiż fil-baxx ta’ Juan Cuadrado li wara avvanza tajjeb mal-linja leminija krossja u sab lil Higuain fil-post ideali u tefa’ wara Marchetti għat-tieni darba fil-partita.

L-avversarji Lazio ppruvaw jittantaw xortihom biex jidħlu fil-partita meta l-plejer bin-numru 21 Sergey ittanta xortih min barra l-kaxxa li għal ftit ma ħasadx lil Buffon. Fid-29 minuta Gonzalo Higuain skurja gowl però ġie mħassar għal offside biex l-ewwel taqsima ntemmet 2-0 favur Juventus.

Fit-tieni taqsima Juventus komplew bir-ritmu li bih spiċċaw l-ewwel taqsima. Fid-49 minuta l-awtur tal-ewwel gowl Paolo Dybala kellu ċans li jgħaqqad id-doppjetta personali meta rċieva ballun però min pożizzjoni ideali tefa’ l-ballun barra. Lazio ittantaw xortihom b’xutt ta’ Lucas Biglia li ma kienx ta’ periklu għan-numru wieħed ta’ Juventus.

Fis-60 minuta Juventus reġgħu marru viċin li jiskurjaw it-tielet gowl meta Gonzalo Higuain għadda pass tajjeb lejn l-kompatrijott tiegħu Dybala li min quddiem Marchetti tefa’ l-ballun bi ftit barra. Fl-aħħar tal-partita waslu żewg ċansijiet b’opportunità ta’ gowl għall-kroat Marko Pjaca iżda fiż-żewg okkażjonijiet falla l-mira. Il-partita ntemmet bl-iskor ta’ 2-0 favur Juventus biex b’hekk Juventus baqgħu fil-quċċata tal-kampjonat Taljan u kabbru l-vantaġġ fuq l-eqreb rivali Roma u Napoli għal-erba’ punti.

Din kienet is-27 rebħa konsekuttiva fil-Juventus Stadium biex b’hekk wara li nkiser ir-rekord ta’ 26 rebħa, illum kompla jiżdied ir-rekord. L-appuntament li jmiss għaċ-champions Taljani huwa nhar l-erbgħa kontra Milan fil-kwartita’ finali tal-Coppa Italia.

SALUTATE LA CAPOLISTA!

dical-banner-1200×280