Juventus kisbu post fis-semifinali tal-Coppa Italia wara li llejla kisbu rebħa kontra t-tim ta’ Milan ġewwa l-Juventus Stadium. Juventus bdew il-partita bl-istess formazzjoni li użaw kontra Lazio li dehret li ħadmet hafna. Neto ddefenda l-lasta, bl-erba’ difensuri quddiemu kienu Barzagli, Bonucci, Daniele Rugani u Kwadwo Asamoah. Iż-żewg midfielders ta’ quddiem id-difiża kienu Sami Khedira u Miralem Pjanić filwaqt li fiż-żona tal-attakk Massimiliano Allegri żamm l-istess erba’ plejers li kienu fil-formazzjoni inizjali kontra Lazio. Juan Cuadrado, Paolo Dybala u Mario Mandžukić kienu ta’ sapport għall-attakkant ewlieni Gonzalo Higuaín.

Mill-ewwel minuti Juventus ħarġu fuq l-offensiva u kienet l-intenzjoni tagħhom li jsibu gowl kmieni ħalli jkunu jistgħu jamministraw il-logħba ahjar. Fil-fatt fid-disa’ minuta Juventus fetħu l-iskor. Kien kross min-naħa xellugija li wasal minn saqajn Asamoah fejn wasal għand Paulo Dybala fejn tefgħu fuq siequ l-leminija u spara fix-xibka biex tefa’ lil Juventus fil-vantaġġ fost dellirju ta’ ferħ tas-sapporters Juventini li ppakkjaw kull rokna tal-Juventus Stadium. Però ċ-Champions Taljani ma waqfux hemmhekk.

Fl-20 minuta wasal it-tieni gowl. Kwadwo Asamoah ġie ffawljat barra ’l kaxxa l-kbira minn Kucka u mill-istess freekick inkariga ruħu Miralem Pjanić li tefa’ l-ballun fl-anglu tan-naħa tal-lemin ta’ Donnarumma biex irdoppja l-iskor għal Juventus. Tmien minuti wara Khedira ġie mċaħħad mit-tielet gowl wara li l-gowl li skurja ġie mħassar għal offside. Juventus kienu l-ħin kollu fil-kontroll tal-logħba u Milan ftit li xejn kienu perikolużi biex b’hekk intemmet l-ewwel taqsima bl-iskor ta’ 2-0 favur Juventus.
Fit-tieni taqsima, għalkemm Juventus ħargu bl-istess ritmu li bih spiċċaw l-ewwel taqsima, fit-52 minuta Milan daħlu fil-partita b’gowl ta’ Carlos Bacca. Sami Khedira antiċipa l-ballun fejn approfitta Bacca meta b’xutt mill-ewwel bid-dawra ħasad lil Neto u daħħal lil Milan fil-logħba. Żewg minuti wara l-gowl Milan spiċċaw b’10 plejers meta Locatelli rċieva t-tieni karta safra wara daħla kerha fuq Paulo Dybala.

Juventus reġgħu ħadu l-inizjattiva tal-logħba f’idejhom u fis-57 minuta kross preċiz ta’ Pjanić fuq il-Kroat Mario Mandžukić iżda l-ballun għadda jħakkek mal-lasta. Ftit minuti wara reġa’ kien fl-azzjoni Mandžukić meta minn kross din id-darba minn Juan Cuadrado falla l-mira bi ftit. Fid-69 minuta Milan resqu viċin minn freekick ta’ Kucka li Neto salva tajjeb.

F’kontrattakk tajjeb fit-82 minuta Juventus resqu viċin meta Cuadrado li kien fost l-aħjar plejers tal-partita tefa’ kross fejn sab lil Pjanić li b’xutt mill-ewwel resaq viċin id-doppjetta personali. Iżda Donnarumma salva tajjeb ħafna.

Fl-aħħar ħin Juventus ikkontrollaw tajjeb biex b’hekk spiċċat il-partita bl-iskor ta’ 2-1. Riżultat li jfisser li Juventus jiltaqgħu kontra Napoli fis-semifinali.