Il-partita bejn Juventus u Barcelona se tkun qed tlaqqa’ żewġ fenomeni. Fit-tim ta’ Juventus hemm l-istilla Arġentina Paulo Dybala filwaqt li fit-tim ta’ Barcelona hemm l-istilla l-oħra Arġentina, Lionel Messi.

Lionel Messi, fl-età ta’ 29 sena, preżentement huwa l-captain tat-tim nazzjonali Arġentin filwaqt li Dybala qiegħed bil-mod il-mod jidħol fit-tim Arġentin. Ħafna dilettanti tal-futbol isostnu li dawn iż-żewġ plejers huma fenomeni u huma strumentali għat-timijiet rispettivi tagħhom. Dybala ssieħeb lil Juventus fis-sajf tal-2015 għas-somma ta’ €40 miljun fejn fl-ewwel staġun tiegħu spiċċa t-top scorer għat-tim tiegħu fejn fis-Serie A skurja 19-il gowl. F’dan l-istaġun Dybala kellu bidu ta’ staġun diffiċli anke minħabba injury li sofra però f’dawn l-aħħar logħbiet qed jerġa’ jiġi fl-aqwa forma possibbli fl-iktar mument kruċjali tal-istaġun.

Lionel Messi m’għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni. Huwa plejer fenomenu u strumentali kemm għal Barcelona kif ukoll speċjalment għat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu. Fi 375 preżena ma’ Barcelona, Messi skurja 339 gowl. Ħafna jsostnu li ma’ Barcelona jispikka iktar għaliex għandu plejers bħal Iniesta, Neymar u Suarez li jgħinuh isib ix-xibka filwaqt li fit-tim nazzjonali jrid jaqdef iktar għalih personali.

Dybala żgur li huwa l-futur tat-tim nazzjonali Argentin fejn żgur li se jkun qed jimxi fuq il-passi tal-kompatrijott tiegħu Messi. Huma żewġ plejers xellugin fejn sieqhom ix-xellugija għal ħafna hija sieq tad-deheb u li toħloq il-maġija. Nittamaw li fil-partita bejn Juventus u Barcelona joffrulna spettaklu ta’ futbol iżda żgur li aħna l-Juventini nittamaw li Dybala ikun kuntent iktar minn Messi fl-aħħar tal-partita.