Is-sena 2017 kienet pożittiva ħafna għal Juventus hekk kif rebħu l-kampjonat għas-sitt sena infila u rebħu wkoll il-Coppa Italia għat-tieni sena konsekuttiva. L-uniku diżappunt kien għal darb’oħra l-finali tal-Uefa Champions League meta f’Cardiff, Juventus gew megħluba bl-iskor kiefer ta’ 4-1 kontra l-Madrileni.

Is-sajf tal-2017 kellu movimenti mhux ħażin hekk kif Juventus akkwistaw plejers importanti bħal Douglas Costa, Blaise Matuidi, Rodrigo Bentancur, Federico Bernardeschi, Mattia De Sciglio u Wojciech Szczęsny.

Minkejja dawn l-akkwisti li saru minn Juventus, ħafna segwaċi tal-futbol Taljan kienu sorpriżi bit-tluq tad-difensur Leonardo Bonucci fejn ingħaqad ma’ Milan wara diversi staġuni ta’ suċċessi f’Turin.

Ħafna partitarji Juventini kienu mħassba wara dan it-trasferiment minħabba l-importanza li kellu Bonucci fid-difiża iżda fortunatament Juventus sabu sostitut ideali f’Medhi Benatia. L-internazzjonali tal-Marokk qed ikollu prestazzjonijiet mill-aqwa u qed ikun protagonist fil-qalba tad-difiża Juventina speċjalment fl-aħħar partiti.

L-aħħar xahar, ix-xahar ta’ Diċembru kien kalendarju diffiċli għal Juventus hekk kif mill-inqas kien hemm 3 logħbiet diretti ma’ tliet sfidanti għar-rebħ tat-titlu li huma Napoli, Inter u Roma.

Apparti dawk il-logħbiet Juventus kellhom logħba importanti tal-gruppi tal-Uefa Champions League kontra Olympiacos li rebħa kienet importanti biex jaqtgħu passaġġ għall-fażi li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni.

F’Diċembru Juventus lagħbu seba’ loghbiet fejn rebħu sitta minnhom u waħda minnhom kontra Inter spiċċat mingħajr gowls. Wara r-rebħa kontra Verona Juventus jinsabu fit-tieni post, punt biss taħt il-leaders Napoli iżda t-tim ta’ Allegri jinsab sitt punti fuq Inter u tmienja fuq it-tim ta’ Roma.

Wara r-riżultati tal-lum huwa sinjal ċar li t-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat se tkun bejn Juventus u Napoli.

L-2018 tinsab magħna u sena ġdida ġġib magħha ambizzjonijiet ġodda. Sa fejn jistgħu jaslu Juventus fl-2018? Se nerġgħu naraw dominju fl-Italja biss jew finalment se nieħdu gost ukoll fl-Ewropa? Żgur li ħafna partitarji jixtiequ risposta pożittiva għall-aħħar mistoqsija però nistennew u naraw.

L-aħħar punt li nixtieq insemmi dwar l-2018 huwa Gianluigi Buffon. Sfortunatament anke kif ammetta huwa stess, jidher li dan se jkun l-aħħar staġun għal dan il-leġġenda Juventina u b’hekk nittamaw li jispiċċa bl-aqwa mod possibbli. Jalla l-2018 tkun sena oħra mill-aqwa għal Juventus u nerġgħu niċċelebraw flimkien!

 Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artiklu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280