Fl-aħħar!!!

Din l-imbierka sena fl-aħħar waslet fi tmiem, sena li ċertament kieku nistgħu nitolbu l-annullament minn magħha daqs li kieku qatt ma eżistiet.

Min jafni sew, jaf li jien miniex persuna negattiva, anzi nipprova nkun kemm jista’ jkun pożittiv għaliex dejjem emmint li irrelevanti minn min int u x’int, dejjem tista’ tħalli impatt tajjeb jew ħażin fuq ta’ madwarek. Li nkun ta influwenza ħażina fuq ta’ madwari sinċerament ma noħlomhiex; iżda minn din is-sena ftit li xejn hemm xi tkun pożittiv fuqha.

Mil-att personali, bħal ma ħafna jafu kienet ċertament sena sewda għalija u għal familja tiegħi, fejn fid-9 ta’ Ġunju 2020, wara xhur ta sofferenza tlift lil-għażiż missieri bil-marda qerrieda tal-kanċer – telfa li lili personali ‘kif jgħid il-Malti’ tefgħitni letteralment il-Baħar, u naf li konsegwenza ta’ dan tfajt ma’ ġenb dawk l-affarijiet jew delizzji li fil-passat kienu jimlewni b’motivazzjoni u entużjażmu.

Biex tkompli żżid l-melħ fuq il-ferita, bejn il-Covid-19 u bejn il-Juventus ta’ Sarri, mhux li kien hemm ħafna fatturi li kienu ta’ għajnuna sabiex nkun nista’ b’xi mod nimmotiva ruħi jew jħossni aħjar speċjalment fejn jidħlu Juventus. Bdejt inħoss li dħalt fi sqaq bla ħruġ għal perjodi twal minn din is-sena.

Madanakollu, nixtieq nirringrazzja li dawk kollha li matul din is-sena kienu ta’ spalla u sostenn għalija personali b’mod speċjali lil-sħabi tal-Kumitat preżenti, membri oħra li kienu fil-kumitat fis-snin li għaddew u membri oħra li huma viċin ta’ dan il-klabb u li tul dawn l-aħħar snin taw kontribut siewi sabiex irnexxilna nibnu relazzjoni soda daqs l-isbaħ familja. Fl- istess ħin nitlob apoloġija jekk b’xi mod matul dan l-istess perjodu nqast jew saħansitra fettixtuni u ma sibtunix. Nwiegħed li matul is-sena d-dieħla ser nagħmel ħilti kollha biex nerġa’ naqbad naqdef lejn ix-xatt flimkien ma sħabi tal-kumitat li matul din is-sena kienu indispensabbli biex in-nuqqas tiegħi jinħass ftit li xejn. B’dan kollu (‘Covid-19 permettendo’) persważ li anke il-klabb li hu tant għal qalbkhom jerġa’ jibda jopera fil-potenzjal kollu tiegħu.

Iżda ejjew nibdlu s-suġġett u nitkellmu fuq dak li realment jinteressa lilkhom il-membri – il-klabb u iżjed minn hekk il-Juventus.

Sabiex kemm jista’ jkun ma ntawwalx ser nipprova namalgama iż-żewġ suġġetti f’wieħed u fir-realtà nemmen li l-andament ta’ klabb dejjem mexa b’mod parallel ma dak tal-Juventus.

Kontu tafu li l-klabb dis-sena għamel 7 xhur min 12 magħluq? Kontu tafu li bħala klabb l-attendenza rekord matul din is-sena kienet ta’ 60 ruħ? Ovvjament fix-xhur li għamel miftuħ. Naħseb li lkoll tindunaw li mhux nsemma’ dawn iċ-ċifri għaliex il-klabb ma għadux b’xi mod jiġbed lejh is-simpatija tal-membri tiegħu, iżda għaliex minħabba l-Covid-19 u minħabba r-restrizzjonijiet kollha imposti fuqna ma stajniex nagħmlu mod ieħor, restrizzjoni li lilna bħala klabb ġabuna letteralment darnha mal-ħajt, bi dħul finanzjarju limitat grazzi għal sponsors u benefatturi li dejjem kien hemm għalina, u bi spejjez u kontijiet li xorta baqa’ iridu jitħallsu.

Dan kollu jkompli jżid mas-sena stramba li kellhom il-Juventus, fejn għalkemm irnexxilna nieħdu lura d-dar id-9 kampjonat konsekuttiv, nemmen, almenu għalija personali, li mil-kampjonati kollha mirbuħa riċentement dan kien l-inqas wieħed mistħoqq (għalkemm xorta sabiħ), b’ nuqqas ta’ grinta, nuqqas ta’ ideat, u iżjed min hekk nuqqas kbir ta’ motivazzjoni mil-plejers speċjalment dawk hekk imsejħa ‘leaders’ ta’ dan it-tim. Personalment nitfa t-tort kollu fuq dak l-imbierek kowc li l-Juventus iddeċidew li jappuntaw bl-isem ta’ Maurizio Sarri, kowc li qatt ma rnexxielu jidħol fil-qlub tal-plejers u tant ieħor tagħna is-supporters – forsi għax wisq sinonimu ma Napli, forsi minħabba xi mossi jew rimarki fil-konfront tal-Juventus tal-passat, jew forsi għaliex fih qatt ma rajna dak l-istil li aħna tant mdorrijin bih, dak li aħna nsejjħulu l-Istile Juve…minjaf… jibqa’ l-fatt li l-istaġun li għadda rajt l-għar tim f’dawn l-aħħar 9 snin ta’ suċċess.

Madankollu kif ktibt fil-bidu din is-sena waslet fi tmiem, u ninsab pożittiv li s-sena dieħla ser tkun sena sabiħa jew almenu isbaħ min din. Ovvjament it-tama hi li din l-imbierka (jew misħuta) pandemija tgħaddi malajr kemm jista’ jkun, għaliex b’hekk inkunu nistgħu nibdew ngħixu ħajjitna normali, bil-klabb miftuħ, b’attendenzi li nittamma’ jiksru rekord mhux ta’ din is-sena iżda ta’ snin passati mingħajr l-ebda tip ta’ restrizzjonijiet, u forsi nerġa’ nibda’ nara dik it-tbissima fuq dawk il-membri preżenti li minħabba l-maskra din is-sena tlifniha lkoll kemm aħna. Iżjed minn hekk nittamma’ u għandi fiduċja enormi fit-tim ta’ Juventus u t-tmexxija tiegħu preżenti li jista’ jwassal jew aħjar jkompli jġib lejn Turin it-tazzi li aħna tant mdorrijin bihom.

Nikkonkludi billi mil-qalb nirringazzja lis-sidien tal-propjetà tal-klabb tagħna tas-support tagħhom matul din is-sena, lil sponsors varji li spiss insemmgħuhom fuq il-paġna tagħna kif ukoll il-website u lilkhom il-membri li għal darba darbtejn u meta ġejtu mitluba irrispondejtu preżenti għat-talba tagħna ta’ assistenza finanzjarja lejn il-klabb –  assistenza li lil dan il-klabb żammitu operattiv u li flimkien mal-management il-ġdid u professjonali tal-Bar (18 Yard Bar & Grill) ninsabu lesti sabiex niftħu dak l-imbierek bieb beraħ.

Grazzi ukoll talli lqajtu b’entużjażmu dak li l-klabb prova joħloq sabiex iżomm kuntatt mal-membri matul din is-sena diffiċli. Qed nirreferi ghac- ‘Chat Show’ li sar fix-xhur li għaddew grazzi ghall- president onorarju ta dan il-klabb, Jean Borg, u ghall- vici president attwali tal-klabb, Paul Valletta. Il-klabb bħalissa qed jilqa’ l-applikazzjonijiet għal xi haġa oħra differenti li ħriġna biha – kwiżż dwar it-team li tant inħobbu fejn ħa jingħataw diversi premjijiet sbieħ lir-rebbieħa.

Min qalbi u f’isem familti tal-Kumitat, Presidenti Onorarji u kif wkoll il-familji tagħna nawguraw is-Sena t-tajba lil-kulħadd, mimlija hena, sliem u rebħ min naħa ta JUVENTUS

Dejjem tagħkom,
Marlon Hili