Ftit tal-ġranet ilu, Major League Soccer (MLS), il-league professjonali fl-Amerka ta’ Fuq, u Juventus, ħabbru li matul is-sajf li ġej se tintlagħab il-partita tradizzjonali bejn l-MLS All-Stars u tim Ewropew, bit-tim Taljan ikun dak mistieden għall-edizzjoni ta’ din is-sena.

Dan wara li fl-edizzjonijiet ta’ qabel ħadu sehem timijiet bħal Real Madrid, Arsenal, Tottenham u Bayern München.

F’dan l-artiklu se nkun qiegħed nagħti ħarsa lejn min jistgħu jkunu l-ewwel ħdax, mill-24 li jintgħażlu bejn deċiżjoni tal-kowċ, votazzjoni tal-plejers u għażliet tal-kmandant prinċipali tal-MLS, Don Garber.

Naturalment, minn issa sas-sajf jistgħu jiġru ħafna affarijiet fosthom anke injuries jew tibdil fil-forma tal-plejers.

Barra minn hekk, hemm plejers li sa issa għadhom ma lagħbux fl-MLS minħabba injuries jew sospensjonijet fosthom Ezequiel Barco, akkwistat minn Atlanta United għal ċifra rekord ta’ iżjed minn 15-il miljun Dollaru Amerikan.

Iżjed minn hekk, hemm plejers oħrajn li ħaqqhom ikunu fiha, fosthom Josef Martinez ta’ Atlanta wkoll, Ignacio Piatti, captain ta’ Montreal Impact, l-attakkant prolifiku ta’ New York Red Bulls Bradley Wright-Phillips, id-duo devastanti Carlos Vela u Diego Rossi ta’ Los Angeles FC, iżda (s)fortunatament il-futbol huwa magħmul minn ħdax-il plejer fil-grawnd għal kull tim.

Goalkeeper:

Zack Steffen (22 sena, Columbus Crew) – Steffen huwa meqjus il-goalkeeper tal-futur fl-Istati Uniti. Wara l-esperjenza tiegħu fil-United Soccer League, sanzjonat bħala t-tieni kampjonat fil-kontinent Amerikan, ma’ Pittsburgh Riverhounds, Steffen għamel id-debutt tiegħu fl-MLS mal-Crew u minn dakinhar sar pedina importanti għal dan it-tim. Huwa diġà parti min-nazzjonal Amerikan u għamel id-debutt din is-sena kontra l-Bożnija, f’partita li fiha laqa’ penalty wkoll – is-seba’ penalty li laqa’ minn 14 li kellu kontrih f’temp ta’ sentejn. Ma tantx hija statistika favorevoli għal Juventus wara n-numru ta’ penalties falluti dan l-istaġun mit-tim ta’ Massimiliano Allegri.

Difensuri:

Gregory van der Wiel (30 sena, Toronto FC) – Wieħed mill-uċuħ ġodda għaċ-champions tal-MLS huwa proprju van der Wiel, eks difensur ta’ Ajax u Paris St Germain u anke tal-Olanda li waslu sal-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2010, mitlufa kontra Spanja. Mal-Kanadiżi (iva, hemm Kanadiżi fl-MLS – Vancouver Whitecaps u Montreal Impact apparti Toronto), huwa diġà lagħab kemm fil-kampjonat u anke fil-Concacaf Champions League fosthom kontra Tigres, wieħed mill-forzi fil-futbol Messikan.

Leandro Gonzalez Pirez (26 sena, Atlanta United) – Pirez kien wieħed mill-akkwisti li għamel Gerardo Martino meta ġie appuntat bħala kowċ ta’ Atlanta. Huwa difensur ċentrali b’esperjenza vasta fil-kampjonat Arġentin. Pirez huwa fost l-iżjed plejers maħbuba mis-sapporters għall-grinta tipika Sud Amerikana li joffri kull darba li jinżel fil-grawnd.

Graham Zusi (31 sena, Sporting Kansas City) – Zusi huwa meqjus leġġenda għal Sporting Kansas City (SKC) għaliex lagħab iżjed minn 200 partita bil-flokk tagħhom u anke huwa pedina importanti għan-nazzjonal Amerikan, minkejja l-età tiegħu. Huwa plejer li fil-karriera tiegħu lagħab f’pożizzjonijiet iżjed offensivi, inkluż anke fit-Tazza tad-Dinja tal-2014 iżda wara li Jurgen Klinsmann kien esperimentah fil-pożizzjoni ta’ full back, minn hemmhekk bdiet karriera oħra għalih.

Chris Mavinga (26 sena, Toronto FC) – Plejer ieħor mit-tim Kanadiż li kapaċi jkun mal-ewwel ħdax huwa Mavinga. Wara bidu kemxejn diżastruż fl-istaġun li għadda, l-eks plejer ta’ Liverpool u PSG issetilja mill-ewwel u fl-ewwel partiti ta’ din is-sena kien iżjed minn darba magħżul wieħed mill-aqwa plejers tal-partita, kemm għall-grinta u għall-għażliet tiegħu waqt il-partita nnifisha iżda anke għall-attitudni li juri – huwa l-captain ta’ bla faxxa.

Midfielders:

Miguel Almiron (24 sena, Atlanta United) – Wieħed mill-plejers li jżommni mqajjem matul il-lejl insegwi l-logħbiet tal-MLS, b’mod partikolari ta’ Atlanta. It-trasferiment tiegħu kien wieħed fundamentali għall-kampjonat għaliex Atlanta rnexxielhom jisirquh lil klabbs ta’ stoffa bħal Arsenal u Inter. Taħt it-tmexxija ta’ Gerardo Martina, Almiron lagħab 35 partita, skurja 10 u għamel 10 assists ukoll. Huwa l-istilla tal-futur għan-nazzjonal tiegħu, il-Paragwaj.

Federico Higuaín (33 sena, Columbus Crew) – Higuaín huwa wieħed mill-plejers li kapaċi ma jibdiex minħabba l-età tiegħu, iżda nixtieq narah ikun parti mill-azzjoni mas-suffara inizjali. Għaliex? Sempliċi. Huwa l-ikbar fost l-aħwa Higuaín, inkluż Gonzalo Higuaín li jilgħab proprju ma’ Juventus. Min ma jixtieqx jara l-aħwa fl-azzjoni kontra xulxin? Higuaín huwa fost l-iżjed plejers intelliġenti fl-MLS u matul il-ġimgħa li għaddiet huwa skurja l-50 gowl tiegħu mal-Crew.

Bastian Schweinsteiger (33 sena, Chicago Fire) – Il-midfielder Ġermaniż huwa profil ieħor għoli fil-kampjonat Amerikan u minkejja li fiżikament ma għadux fl-istess forma tal-passat, Schweinsteiger xorta waħda għadu utli għall-kawża tal-Fire u l-karriera twila u sinjura bl-unuri tiegħu, tagħmlu ċertament fost il-kandidati biex jibda kontra Juventus.

Attakkanti:

Sebastian Giovinco (30 sena, Toronto FC) – Tiftakruh? Giovinco se jkun wieħed miż-żewġ plejers li potenzjalment se jkunu l-eks tal-partita. La Formica Atomica, wara l-esperjenza pjuttost deludenti ma’ Juventus, ingħaqad ma’ Toronto FC fejn hemmhekk bdiet storja oħra mimlija rekords u suċċessi għall-attakkant Taljan. Giovinco wassal lil Toronto fil-play-offs tal-kampjonat għall-ewwel darba qabel ma eventwalment rebbaħhom il-kampjonat. Huwa fost l-aqwa plejers, jekk mhux l-aqwa anke fuq bażi ta’ statistika, li qatt tefa’ siequ fi grawnd tal-MLS. Sa issa, Giovinco skurja 67 gowl flimkien ma’ 40 assist f’110 partiti ma’ Toronto.

Zlatan Ibrahimović (36 sena, Los Angeles Galaxy) – L-iżjed akkwist riċenti fil-kampjonat Amerikan u l-iżjed wieħed li għamel ħoss minn żmien David Beckham. Ibrahimović, eks Juventus ieħor, huwa indubbjament wieħed mill-plejers li se jkun qiegħed jilgħab ġewwa Atlanta. Ma tantx hemm xi ngħidu rigward l-Iżvediż, anke għax l-avventura tiegħu fl-Amerka għadha tibda. Ta’ min iżda jirrimarka li l-istorja tal-belt ta’ Los Angeles, għall-ewwel darba se jkollha eroj sportiv li ġej mill-futbol u mhux mill-isports tradizzjonali Amerikani bħal ma huma l-Baseball (Los Angeles Dodgers), il-basketball (Los Angeles Lakers u Los Angeles Clippers) jew l-NFL (Los Angeles Rams u Los Angeles Chargers).

David Villa (36 sena, New York City FC) – Finalment, plejer ieħor bi profil ta’ superstar huwa l-Ispanjol David Villa. Villa, li sa issa għadu ma kienx utilizzat ħafna mill-kowċ Patrick Vieira, huwa bla dubju pedina importanti għal New York City FC, fejn il-prestazzjonijiet tiegħu wassluh mhux biss biex jerġa’ jkun parti min-nazzjonal Spanjol, iżda wkoll, għall-moviment tal-futbol ġewwa l-Big Apple, fejn bis-saħħa tiegħu, l-MLS qiegħed jiġi segwit iżjed minn qabel.

Kowċ:

Gerardo ‘Tata’ Martino (Atlanta United) – Tata Martino huwa konfermat bħala l-kowċ tal-MLS All-Stars għal din il-partita. L-eks kowċ ta’ Paragwaj u Barcelona probabbilment se jutilizza formazzjoni offensiva, b’dik favorita tkun ta’ 4-3-3 u li ġieli jaqlibha għal 4-3-1-2 ma’ Atlanta. Fatt kurjuż fuqu huwa li Martino kien il-kowċ li ta d-debutt lill-plejer ta’ Juventus Paulo Dybala mal-Arġentina, fit-22 ta’ Settembru tal-2015 kontra l-Paragwaj.

Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artiklu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq marketing@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq info@juventusmalta.com

banner1
dical-banner-1200×280