Din il-ġimgħa rajna ħafna plejers ikunu importanti għall-iskwadra tagħhom speċjalment issa li kważi wasalna lejn tmiem il-kampjonati, fejn anka ħafna plejers jagħtu kontribut kbir għat-tim tagħhom.

Il-formazzjoni magħżula llum hija dik ta’ 4-3-1-2

Gowler: Keylor Navas (Real Madrid) – Logħba sodisfaċenti mmens għall-gowler tan-nazzjonal tal-Kosta Rika. Sejv importanti minn penalti fallut ta’ Gameiro wassal sabiex iżomm lir-Real fil-logħba. Matul il-logħba kompla jwettaq saves spettakolari u kompla juri li kien bidla tajba flok l-eks Casillas. Vot: 9.2

Difensur: Ricardo Pereira (Nizza) – Il-Portugiż wera li jista’ jimla l-posizzjoni ta’ difensur laterali tal-iskwadra nazzjonali. It-tim ta’ Nizza kellu staġun mill-aqwa u dan rajnih bil-prestazzjoni ta’ ħafna plejers fosthom ta’ Pereira, li anka matul din il-ġimgħa kellu logħba mill-aqwa kontra t-tim ta’ Ajaccio. Vot: 8.8

Difensur: Federico Fernandez (Swansea) – Swansea pass ’il bogħod milli jżommu posthom fil-kampjonat wara rebħa importanti oħra taħt it-tmexxija ta’ Guidolin u wara prestazzjoni tad-difensur eks-Napoli. Logħba fejn żamm għal kollox id-difiża tiegħu attenta, u b’hekk waslet rebħa importanti oħra għat-tim minn Wales. Vot: 8.4

Difensur: Francesco Acerbi (Sassuolo) – Acerbi kompla jżid l-importanza tiegħu fl-iskwadra ta’ Sassuolo, hekk kif kompla jkun konsistenti u anka beda juri li kapaċi jkun pedina importanti għall-Italja ta’ Conte, hekk kif fis-sajf ikollhom il-kampjonat Ewropew. Acerbi kien sod fid-difiża kontra Udinese u anka evita li t-tim tiegħu jitlef billi għamel interventi importanti tul il-logħba. Vot: 8.2

Difensur: Hugo Mallo (Celta Vigo) – Telfa oħra għal Valencia, u logħba oħra immensa għall-plejer Hugo Mallo, hekk kif reġa’ skurja gowl importanti fil-ġlieda sabiex is-sena d-dieħla naraw lil Celta Vigo jikompetu fl-Ewropa. Trasferiment fis-sajf possibli? Vot: 9.2

Midfielder: Paul Pogba (Juventus) – In-numru 10 Juventin, kellu logħba perfetta. Gowl minn freekick u żewġ assists importanti taw tliet punti lil Juventus sabiex ikomplu fejn ħallew sabiex jerbħu l-ħames kampjonat konsekuttiv. Fid-derby, Pogba bħala numru 10, kompla fuq il-passi ta’ Tevez u Del Piero, u b’din il-prestazzjoni wera li hu għandu jkollu l-futur tiegħu mal-aqwa tim fl-Italja. Vot: 10.0

Midfielder: Francis Coquelin (Arsenal) – Rebħa importanti għall-Arsenal bit-tama li jfallu Leicester u r-rivali Tottenham, u jerbħu l-kampjonat. Coquelin kien brillanti fil-logħba kontra Everton f’Goodison Park, seraq ħafna blalen u wera li anka s-sena d-dieħla kapaċi jkun pedina fil-midfield tal-Gunners. Vot: 8.7

Midfielder: Kevin Volland (Hoffenheim) – Se tkun miġġielda sal-aħħar sabiex naraw min se jibqa’ fl-ogħla diviżjoni Ġermaniża, hekk kif Hoffenheim irnexxielhom jerbħu logħba oħra, din id-darba kontra Hamburg. Gowl u assist taż-żagħżugħ Volland, taw tliet punti sagrosanti sabiex il-Hoffenheim ikomplu jemmnu li jsalvaw. Vot: 9.4

Midfielder: Henrikh Mkhitaryan (Borussia Dortmund) – Ħames punti ’l bogħod minn Bayern Munich, u tama li l- Borussia jagħtu sorpriża fl-aħħar tal-kampjonat sabiex jerbħu l-kampjonat u potenzjalment ukoll fl-Ewropa. L-Armen kellu logħba tajba u saħansitra anka skurja gowl. Prestazzjoni li twassal sabiex ħafna timijiet jitfgħu interess fuq l-Armen. Vot: 8.7

Attakkant: Harry Kane (Tottenham Hotspurs) – Urugan ieħor u doppjetta oħra għaż-żagħżugħ Ingliż li għen sabiex kompla jagħti t-tama lis-sapporters ta’ White Hart Lane li jieħdu l-kampjonat. Kane qabeż lil Vardy fil-klassifika, u qiegħed biċ-ċans li jkun hu li jieħu l-unur tal-plejer li skurja l-iktar din is-sena. Żewġ gowls oħra li jsaħħu ċ-ċans li Kane jilgħab mal-Ingilterra dan is-sajf. Vot: 9.6

Attakkant: Gonzalo Higuain (Napoli) – Żewġ gowls oħra għall-Arġentin u żewġ gowls oħra li jwasslu biex Higuain jerbaħ il-Golden Boot hekk kif il-ġlieda ma’ Suarez dejjem tkompli tiħrax. Higuain dawwar telfa f’rebħa kontra Genoa u b’hekk żamm lil Napoli biċ-ċans li jtellfu l-ħames kampjonat konsekuttiv lil Juventus. Vot: 9.3

Kowċ: Claudio Ranieri (Leicester) – Eterno Secondo? Dalwaqt naraw lil Ranieri bħala rebbieħ tat-titlu? L-Ingilterra kulħadd jitkellem u jgħid li Leicester ħa jagħmlu sorpriża u se jerbħu l-kampjonat. Dan kien staġun li qatt mhu ħa jintesa għas-sapporters ta’ Leicester u għan-newtrali li jsegwu l-kampjonat. Apparti l-prestazzjonijiet ta’ Mahrez, Vardy u Kante, Ranieri kellu logħba iebsa kontra Crystal Palace, madankollu t-tattika tiegħu wriet li tista’ twassal lil Leicester mhux biss li jerbħu logħob ma’ timijiet bħal Palace imma kif ukoll l-aħħar logħbiet li fadal.