Żewġ gowls f’temp ta’ ftit minuti fit-tieni taqsima sarrfu għal vantaġġ tajjeb għat-tim ta’ Juventus li issa fir-ritorn ġewwa l-Juventus Stadium se jkollhom sieq ġewwa fil-kwarti finali però żgur li Juventus ma jaffordjawx jeħduha faċli.

Għal din il-partita Allegri żamm il-formazzjoni ta’ 4-2-3-1. Gianluigi Buffon iddefenda l-lasta Juventina, bl-erba’ difensuri kienu Lichtsteiner fuq il-lemin u Alex Sandro fuq ix-xellug filwaqt li l-koppja ċentrali fin-nuqqas ta’ Bonucci kienet iffurmata minn Andrea Barzagli u Giorgio Chiellini.

Quddiem id-difiża bdew il-partita Sami Khedira u Miralem Pjanić. It-tlieta ta’ quddiemhom kienu Juan Cuadrado, Paulo Dybala u Mario Mandžukić. L-attakkant prinċipali kien is-solitu Gonzalo Higuaín.

It-tim Portugiż ħareġ aggressiv ħafna fejn bdew jippressaw għoli ferm u l-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet minn Porto. Kien fawl dubjuż li wettaq Chiellini ftit metri barra l-kaxxa li nkariga ruħu minnu Brahimi li għadda ftit għoli mil-lasta ta’ Buffon. Żewġ minuti wara reġa’ kellna azzjoni oħra ta’ Porto fejn Neves ittanta xortih b’xutt li għadda għoli.

Fit-13-il minuta waslet l-ewwel azzjoni ta’ Juventus. Kien Sami Khedira li avvanza fil-kaxxa l-kbira ta’ Porto fejn ippassja lejn Higuaín iżda d-difensur Marcano interċetta tajjeb u daħal Alex Sandro li falla l-mira u x-xutt tiegħu mar totalment barra. Erba’ minuti wara Juventus reġgħu kienu perikolużi meta permezz ta’ one touch football bejn Khedira, Dybala u Higuaín dehru li se jkunu perikolużi iżda reġa’ kien Marcano li interċetta u biegħed il-periklu.

Fit-22 minuta minn throw-in ta’ Alex Sandro, Higuaín kompla lejn Dybala li x-xutt tiegħu għadda barra mingħajr problemi għal Casillas. Fil-25 minuta waslet l-ewwel ammonizzjoni tal-partita fejn id-difensur xellugi ta’ Porto Telles ġie muri l-karta s-safra wara daħla kerha minn wara fuq Cuadrado.

Minuta wara wasal wieħed mill-fatturi li biddlu l-andament tal-partita. Telles ġie muri t-tieni karta safra wara fawl ikrah ieħor fuq Lichtsteiner u Porto spiċċaw b’10 plejers. Mill-istess freekick li inkariga ruħu minnu Dybala, għadda tajjeb lejn Cuadrado li b’xutt mill-ewwel il-ballun għadda ftit barra.

Minħabba t-tkeċċija, il-kowċ ta’ Porto, Nuno, kien sfurzat iwettaq l-ewwel sostituzzjoni fejn inqala’ l-aqwa skorer ta’ Porto Andre Silva u ħadlu postu d-difensur Layún. Żewġ minuti wara kien Miralem Pjanić li ttanta xortih b’xutt iżda kien ċentrali u Casillas salva tajjeb. Fl-34 minuta kross insidjuż ta’ Alex Sandro minn fuq ix-xellug sab lil Khedira li għola waħdu fil-kaxxa iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu falliet il-mira.

Erba’ minuti wara Juventus reġgħu marru viċin meta Alex Sandro tefa’ pass lejn Higuaín li x-xutt tiegħu ħabat ma’ difensur ta’ Porto li għal naqra ma ħasadx lil Casillas iżda dan tal-ahhar salva tajjeb għal corner. Fil-45 minuta ftit qabel saffar għat-tmiem tal-ewwel taqsima, kien Paulo Dybala li mar ferm viċin meta ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-lasta l-wieqfa b’Casillas megħlub.

Din kienet l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima fejn rajna lil Porto joħorġu aggressivi ħafna bl-għajnuna tal-inkoraġġiment tas-sapporters tagħhom. Iktar kemm għadda l-ħin Juventus bdew deħlin iktar fil-logħba u kif tkeċċa Telles, il-Bianconeri amministraw il-logħba iktar.

Fit-tieni taqsima Juventus komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda u fis-46 minuta kellhom gowl imħassar għal offside. Kien Miralem Pjanić li għadda tajjeb fil-kaxxa lejn Paulo Dybala li b’xutt mill-ewwel tefa’ wara Casillas liema gowl ma kienx konvalidat għal sinjalazzjoni ta’ offside dubjuża ħafna.

Żewġ minuti wara waslet azzjoni denja ta’ nota ta’ Porto. Kien kross minn fuq ix-xellug ta’ Miguel Layún fejn sab lill-captain Herrera, iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu marret barra mingħajr problemi għan-numru wieħed ta’ Juventus.

Fit-53 minuta kien Dybala li wara li dar tajjeb mad-difensur ittanta xortih b’xutt ċentrali li Casillas salva tajjeb. Sitt minuti wara reġa’ kien imiss lil Khedira li wara taħwida fil-kaxxa ta’ Porto, il-ballun waqa’ f’sieq il-Ġermaniż li b’xutt bomba tefa’ l-ballun ftit barra.

Fis-60 minuta waslet it-tieni sostituzzjoni għat-tim ta’ Porto. Kien Rúben Neves li ħalla l-grawnd biex floku daħal Jesus Corona. Fis-66 minuta Juventus marru ferm viċin li jiftħu l-iskor. Higuaín avvanza tajjeb fejn qabeż difensur u x-xutt bid-dawra tiegħu ta l-illużjoni tal-gowl iżda l-ballun għadda millimetri ’l barra mil-lasta ta’ Casillas.

Fis-67 minuta waslet l-ewwel sostituzzjoni għat-tim immexxi minn Massimiliano Allegri. Kien il-Kroat Marko Pjaca li daħal jilgħab flok il-Kolombjan Juan Cuadrado u proprju fl-ewwel azzjoni denja ta’ nota wara din is-sostituzzjoni wasal l-ewwel gowl ta’ Juventus.

Kien Pjaca li ppassja lejn Dybala fejn l-Arġentin kompla lejn Lichtsteiner iżda l-ballun ħabat mad-difensur ta’ Porto Layún, il-ballun ġie f’saqajn Pjaca li b’xutt mill-ewwel tefa’ fir-rokna tax-xibka u tefa’ lil Juventus fil-vantaġġ. Dan kien l-ewwel gowl staġonali għal Marko Pjaca. Fit-72 minuta Allegri wettaq it-tieni sostituzzjoni fejn Dani Alves daħal flok l-Iżvizzeru Lichtsteiner u Porto wettqu l-aħħar bidla tagħhom fejn Diogo Jota daħal flok in-numru tmienja Brahimi.

Żewġ minuti wara wasal it-tieni gowl ta’ Juventus, fejn is-sostituzzjoni ta’ Allegri reġgħet ħalliet il-frott. Kien kross minn fuq ix-xellug ta’ Alex Sandro fejn pinġa l-ballun fuq Dani Alves li kkontrolla tajjeb b’sidru u poġġa l-ballun fix-xibka għat-tieni gowl ta’ Juventus wara biss ftit minuti fil-grawnd.

Fil-85 minuta kien fadal il-ħin għall-aħħar bidla Juventina. Kien imiss lill-Arġentin Paulo Dybala li jinqala’ u postu ħadu Claudio Marchisio. Fis-87 minuta Juventus marru viċin it-tielet gowl meta Pjaca għadda tajjeb lejn Khedira li bi sforz biex jilħaq il-ballun issikkat minn Casillas bil-ballun jgħaddi ftit millimetri barra. Din kienet l-aħħar azzjoni tal-partita li ntemmet bl-iskor ta’ 0-2 favur La Vecchia Signora. Logħba li Juventus iddominaw għal ħinijiet twal speċjalment wara t-tkeċċija ta’ Telles.

Mertu kbir għandu jmur għall-kowċ Massimiliano Allegri li s-sostituzzjonijiet li wettaq ħadmulu perfettament. Ftit sigħat qabel kien hemm ħafna kritika lejn id-deċiżjoni li jħalli barra lil Bonucci iżda bi ftit kliem wieġeb ħafna kritiċi bid-deċiżjonijiet għaqlin tiegħu f’din il-partita. Nota pożittiva wkoll kienet il-100 logħba fil-Uefa Champions League għal Gigi Buffon. L-appuntament li jmiss għat-tim ta’ Juventus huwa nhar is-Sibt li ġej f’logħba valida mill-Kampjonat kontra t-tim ta’ Empoli.

Alla prossima, avanti Juve!!

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280