Nhar is-sibt l-ewwel ta’ Mejju 2021, ir-renju ta’ Juventus fil-quċċata tal-futbol Taljan uffiċċjalment spiċċa. Wara disa snin, tlett elef, mitejn u tnejn u tmegħnin (3282) ġurnata, it-tim ta qalbna m’għadux jista jgħid li huwa champion tal-Italja. Id-dominanza twaqqfet. It-tazza ma waslitx Turin din is-sena. Filwaqt li l-ikbar rivali tagħna qegħdin jiċċelebraw lig, aħna qegħdin nissiltu biex nagħmluha mal-ewwel erbgħa, li jfisser kwalifikazzjoni għall-edizzjoni li jmiss taċ-Champions League. Pero meta tispiċċa era, minnufiħ tibda oħra! 

L-era li ġabet magħha kważi ġħoxrin tazza f’disa’ snin xi darba kellha tieqaf. Nistaw ndumu nsaqsu u nispekulaw x’seta ġara fi staġun minġħajr il-pandemija ma saqajna imma issa li hemm hemm, rridu nħarsu ‘l quddiem għal era ġdida ta rebħ u għal ċiklu ġdid b’nies ġodda, friski u mimlijin enerġija determinati li jerġaw jgħollu lill-klabb glorjuż tagħna mhux biss fil-quċċata tal-futbol Taljan iżda wkoll dak Ewropew! Era ġdida ġġib magħha memorji sbieħ kif ukoll oħrajn morri. Żgur li ħadd minna ma jinsa l-mument meta fl-2011 il-kbir capitano tagħna Del Piero għolla t-tazza tal-lig wara snin ta medjokrita. Snin iebsa li ma ġewx eżżattament tort ta xi deċiżjonijiet ħżiena mill-amministrazzjoni kollettiva tal-klabb iżda snin li kienu kawża ta’ deċiżjonijiet li ħadu elementi speċifiċi f’ċirkostanzi li m’għandniex għalfejn nidħlu fihom. 

Pero jista jingħad l-istess għal din is-sena? Naħseb ħafna huma tal-fehma li kienu propju deċiżjonijiet kollettivi tad-diriġenża li wassluna f’dan il-punt. Żied magħhom l-effetti tal-pandemija u għandek riċetta għal staġun anomalu (diżastruż jekk ma nidħlux mal-ewwel erbgħa) li xi darba kellu jasal. Inpoġġi mistoqsijiet sempliċi pero diretti. Kellna neħilsu minn kowċ li bid-difetti kollha tiegħu, rebbaħna lig u prova jġib bidla fil-mod ta logħob biex imbgħad poġġejna minfloku ex-plejer li għadu ħireġ minn Coverciano? Kellha ssir din il-manuvra meta xorta riedna nibqaw inħallsu lill-ex kowċ mas-seba miljuni fis-sena salarju? Kellna nassiguraw li nqassmu r-riżorsi finanzjarja aħjar matul is-suq tat-trasferimenti u mhux niffukaw biss fuq midfield (li xorta għadu dgħajjef) u nabbandunaw dipartiment tant importanti bħad-difiża? Dipartiment li ilu staġnat speċjalment meta niġu għall-fullbacks għal diversi snin? 

Dan biex ma nsemmux iċ-ċertu apatija u nuqqas ta’ għatx għar-rebħ ta ċerti elementi fit-tim. Huwa faċli li plejer joħroġ jgħid waqt intervista jew fuq is-social media li rridu naqdfu iktar, pero fl-aħħar mill-aħħar x’ġid għamel dan? Bqajna bl-istess metodu ta logħob monotonu ta qabel, taqta ftit partiti li tgħoddhom fuq subajk. Jien, li qrajt u smajt x’irid Pirlo mit-tim, nista ngħid li ma rajt kważi xejn jimmaterjalizza. Dan kollhu tort tal-kowċ? Jew inkella vera forsi wasalna għall-bidla radikali mhux biss fl-iskwadra (inkluż is-senatori) iżda wkoll bidla fil-ħsieb ta kif jittieħdu id-deċiżjonijiet u allura kawża ta dan, bidla fin-nies li jieħdu d-deċiżjonijiet ta kuljum? Kemm se ndumu nieħdu l-easy way out? 

Forsi kien hemm bżonn xi ħaġa li tinstiga l-bidla li tidher li ġejja biex b’hekk nimbarkaw fuq era ġdida li terġa twassalna għar-rebħ mill-ġdid. Il-pandemija flimkien ma deċiżjonijiet dubjużi jidhru li kienu l-katalisti biex tassew nibdew nibnu ċiklu ġdid b’entużjażmu frisk u idejat ġodda. Biex tibni mill-ġdid m’hemmx għalfejn twaqqa’ għal-kollox dak li bnejt! 

Il-pedamenti qegħdin hemm, jeħtieg li issa jissaħħu l-istrutturi mill-ġdid sabiex inkunu nistaw naslu sal-quċċata. Nittamaw li dan isir b’mod mgħaġġel imma ggalbat dejjem għall-ahjar tal-klabb favorit tagħna! 

Vincere non e importante, e l’unica cosa che conta!