11-il xahar qabel ir-rebħa tal-Italja ġewwa Berlin, qed tintlagħab Southampton-Wolves fiċ-Championship. Wara 73 dawra tal-arloġġ, żagħżugħ jinża’ l-bib u jidħol fil-grawnd. Kif jirfes il-ħaxix, isir l-iżgħar plejer li qatt iddebutta ma’ Southampton fl-età ta’ 16-il sena u 143 jum. 7 xhur wara jsir ukoll l-iżjed żagħżugħ għali ta’ dik l-età.

Bil-logħob tiegħu jġennen lis-sapporters tas-Saints kif ukoll lill-kowċ, ċertu Harry Redknapp li għandu idea żgħira ta’ x’inhu futbol. Tant impressjonah li dwaru qal: “Tant kemm kien tajjeb li kien tal-biża’! Skurja wara biss 25 minuta, u kellu ċ-ċans jiskurja anke 5!”

Il-gowl wasal fis-sebgħa apparizzjoni tiegħu, u l-ewwel waħda ta’ titolari. Gowl li jnaqqaxlu ismu fil-kotba tal-istorja għal darb’oħra: l-iżgħar plejer li qatt skurja bil-flokk aħmar u abjad.

Il-prestazzjonijiet tiegħu ġibdu l-attenzjoni ta’ żewġ timijiet kbar ġewwa l-Premier League: Arsenal u Chelsea. Il-Gunners għelbu l-konkorrenza tal-Blues b’offerta ta’ £5M immedjati u £7M bonus.

Filwaqt li Arsene Wenger iħallih isaħħan il-bank, Sven Goran Eriksson le. Jgħajjatlu u saħansitra jilagħbu kontra l-Ungerija. Itellgħu miegħu anke l-Ġermanja fis-Sajf iżda ma jilgħabx. Bil-presenza tiegħu kontra l-Ungeriżi jsir l-iżgħar plejer li qatt iddebbuta mat-Three Lions fl-età ta’ 17-il sena.

Fi 12-il sena ġewwa Londra skurja 65 gowl f’270 presenza. Issa għadu kif issieħeb ma’ Everton, fl-età ta’ 28 sena. Nhar l-20 ta’ Jannar 2006, twieled fid-Dinja Kalċistika Theo Walcott.

X’ġara wkoll f’dil-ġimgħa:

1998 – Faustino Asprilla jingħaqad ma’ Parma.
1999 – Robbie Fowler jiskurja il-100 gowl tiegħu ma’ Liverpool.
2015 – Wara biss 11-il xahar jilgħab ma’ Toronto FC, Jermain Defoe jirritorna fil-Premier League ma’ Sunderland.
_______________________________________________________________

Dan l-artiklu huwa bidu minn serje ġdida t’artikli miktuba minni dwar l-istorja tal-Premier League. Artiklu ġdid kull nhar ta’ Tlieta. Jekk jinzerta jkun hemm Champions League, l-artiklu joħroġ il-Ħamis.

Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artiklu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq marketing@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280