Il-Kumitat tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero jħabbar li qed jaħdem fuq numru ta’ ideat u jitkellem ma’ diversi persuni u kumpaniji biex jiggarantixxi l-ikbar ammont ta’ biljetti possibbli għall-istaġun li ġej.

Minkejja dan, hekk kif s’issa għad m’hemmx dettalji la dwar id-disponibbiltà ta’ biljetti mingħand Juventus u lanqas konferma tad-dati meta se jkunu l-logħob, id-dettalji u prezzijiet għadhom mhux magħrufa.

Il-Kumitat qed jimmira li jkollu idea iktar ċara tal-prezzijiet sa nhar is-Sibt 4 ta’ Awwissu, meta fil-klabb tinżamm Open Day bejn l-10:00 u s-18:00. Infakkru li bħal dejjem, biljetti jinġiebu lil min hu membru tal-klabb u dawk bi sħubija valida jingħataw preċedenza. Madankollu, il-klabb xorta waħda hu marbut b’limitu ta’ kemm jista’ jġib biljetti, dejjem skont id-disponibbiltà.

Sadattant infakkru li minn din is-sena, biex kollox ikun iktar trasparenti, il-Kumitat se jkun qed jirrispondi biss għal talbiet ta’ informazzjoni permezz tal-email tickets@juventusmalta.com.

Fid-dawl ta’ dan, min iċempel jew jibgħat messaġġi lill-membri tal-Kumitat ukoll se jintalab jibgħat email biex jingħata din l-informazzjoni.