Hekk kif il-partiti ta’ ħbiberija issa waslu kważi fi tmiemhom (għad jonqos biss il-partita ta’ Villar Perosa fis-17 t’Awissu), s’issa deher biċ-ċar li l-aktar aspett batut fit-tim Juventin huwa d-difiża. Biżżejjed wieħed isemmi li bejn Tottenham, Barcelona, Roma u PSG, Juventus qalgħu medja ta’ kważi żewġ gowls kull partita, ferm iktar milli mdorrijin naraw is-soltu.
Meta ma’ dan wieħed iżid l-iżbalji fl-impostazzjoni li ħarġu kontra Tottenham u n-nuqqas ta’ abbiltà biex id-difiża toħroġ bil-ballun, wieħed mill-ewwel jinduna kemm qed jinħass in-nuqqas ta’ Bonucci. Inutli ninħbew wara subgħajna, inutli nġibu l-iskużi. Fl-immedjat, Bonucci kien telfa kbira għal Juventus.
U mhux diffiċli biex wieħed jifhem għalfejn. Ilu għal dawn l-aħħar seba’ snin jilgħab regolarment fit-tim Juventin. Sar wieħed mill-punti kardinali tat-tim li kiseb tant suċċessi. Kien jaf il-logħob tat-tim bl-amment. Dejjem jaf min qiegħed fejn u kif se jiċċaqlaq. Bil-kapaċita tiegħu fuq il-ballun, minjaf kemm-il darba ħeles lit-tim minn sitwazzjonijiet imbarazzanti bit-teknika u l-intelliġenza tiegħu. Għalhekk qed jinħass.
Iżda qed jinħass GĦALISSA. Sforz l-importanza li kellu għat-tim. Sforz l-għeruq li t-teknika tiegħu rabbiet fil-loghob ta’ Juventus. Il-problema bħalissa mhijiex li Rugani, Chiellini, Barzagli u Benatia huma ħżiena, iżda li draw jilagħbu b’Bonucci magħhom. L-istess f’nofs il-grawnd. Kienu sabu mekkaniżmi ma’ Bonucci.
Xi jfisser dan kollu? Li m’hemm l-ebda allarm f’kif se jimtela post Bonucci. Issemmew ħafna ismijiet, fosthom Garay u Giménez. Sinċerament, nippreferi jibqgħu kif inhuma u jkollu post fiss Rugani. Biex imbagħad is-sena d-dieħla post Barzagli jieħdu Caldara. Kulma hemm bżonn ftit paċenzja u ħafna xogħol biex it-tim jadatta għal mingħajr Bonucci.
I campioni passano, la Juve rimane. Fino alle fine!
Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.
Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com