Il-Juventus Club Malta Cuore Bianconero

Kollox beda b’ċajta bejn erba’ ħbieb fuq Facebook iżda mill-ewwel deher evidenti li mijiet ta’ Juventini riedu klabb ġdid li jassoċjaw miegħu u li jgħinhom jaqtgħu xewqithom li jitilgħu Turin bi prezzijiet raġjonevoli.

Il-fundaturi ta’ dan il-klabb kienu jiltaqgħu darba fil-ġimgħa fil-bar ta’ Santa Marija f’ Ħ’Attard u kienu jaraw il-logħob ta’ Juventus flimkien. L-ewwel darba kienu sitta biss, ġimgħa wara kienu għoxrin u n-numru baqa’ tiela’ minn logħba għall-oħra. Tant u hekk li fil-logħba li fiha Juventus iċċelebraw ir-rebħ tat-30  Kampjonat, il-post ma kienx jiflaħ il-folla kollha li attendiet.

Għaldaqstant il-Ħadd ta’ wara, meta Juventus ġew inkurunati uffiċjalment Champions u saret il-preżentazzjoni, il-fundaturi tal-klabb organizzaw avveniment kbir fi stabbiliment kbir f’Paceville u l-attendenza kienet waħda enormi b’aktar minn elf Juventin taħt l-istess saqaf.

Fis-sajf tal-2012 intgħażlet id-dar il-ġdida tal-Juventini f’Malta, f’dak li qabel kien bar abbandunat. Kien sajf ta’ ħidma kbira, iżda bl-għajnuna ta’ ħafna, il-premises tal-klabb saru state of the art kif nafuhom illum. L-istorja tal-klabb hija waħda ta’ suċċess.

Fl-ewwel erba’ snin mill-ftuħ, kienu eluf li rnexxielhom jaqtgħu xewqithom u jmorru jaraw logħob ta’ Juventus kemm fil-Juventus Stadium iżda wkoll madwar l-Ewropa waqt logħob away taċ-Champions League.

Mijiet ta’ membri rnexxielhom jiltaqgħu ma’ xi plejer jew iġibu xi gear iffirmat. Dan grazzi għall-kuntatti tal-klabb, b’mod speċjali r-rapport mill-qrib li l-klabb għandu ma’ wieħed mill-plejers tal-preżent, Claudio Marchisio, li spiss ikun disponibbli mal-membri.

Illum il-klabb hu rikonoxxut mill-Juventus, għandu reputazzjoni tajba ħafna u fuq kollox hu klabb rispettat għall-attitudni umli tal-membri tiegħu. Klabb li dejjem kien wieħed mill-akbar klabbs uffiċjali tal-Juventus kif ikkonfermat miċ-Centro Coordinamento DOC li fl-2015/16 u 2016/17 ħatar uffiċjalment lill-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero bħala l-ikbar supporters club barrani.

dical-banner-1200×280