Meta tkun għadek fuq l-għatba tal-adolexxenza, fejn issib ruħek trid taqsam ħinek bejn l-ewwel imħabba u l-passjoni lejn it-team favorit tiegħek – u min xi darba sab ruħu fl-istess ilma tiegħi żgur ma jistax imerini illi xi missjoni faċli – id-dinja tiegħek tħossha ddur ma’ dawn il-problemi frivoli. Imbagħad fi tmiem il-ġimgħa tistenna, b’imsarnek f’saqajk, intix ħa tifraħ jew tibki. Mill-bqija ħallih ħa jħabbat.
Fil-bidu nett tas-Snin Disgħin, meta l-fissazzjoni Juventina tiegħi kienet bdiet dieħla fil-fond – tipo Hornby f’Fever Pitch – fejn kelli ħila nkun naf l-istatistiċi kollha ta’ kull player, ma kont nitlef xejn mill-ġrajjiet tal-club. Xejn. Minkejja illi l-internet kien biss Utopja, ir-Rai monopolju (bl-eċċezzjoni tat-Telemontecarlo) u l-gazzetti Taljani vanġelu (avolja jaslu tard).
Għalhekk meta t-Trap fettillu jagħti prova lil player amateur, apparentement mastrudaxxa full-time u li qatt ma kont smajt bih minn Adam, għedt: U ija dan ieħor mill-ħafna. Taf int. Imbagħad fil-każ nixtruh, nisilfuh lil xi team tas-Serie C u Alla m’għamlu.
Imma meta wara dawk iż-żewġ logħbiet ta’ ħbiberija fi tmiem l-istaġun 1991-92, kontra l-Vicenza u l-Ancona, it-Trap faħħru pubblikament u qal li kien sab sostitut ideali għal De Marchi, ħadt interess liema bħalu. Fis-sajf għaċ-ċifra miżera ta’ 50 miljun lira Taljana (30,000 ewro tal-lum – lanqas karozza sportiva ma tixtri bihom illum) Moreno Torricelli ħalla l-Caratese u sab ruħu qalb ġganti bħal Baggio, Vialli, Platt, Di Canio, Moeller u l-bqija.
Minn dakinhar Ġeppetto, fullback minn saqajh aktar donnu Chiellini tal-lum iżda bi grinta tal-għaġeb tpatti għal teknika limitata, sar wieħed mill-players favoriti tiegħi. Mat-Trap stabbilixxa ruħu. Ma’ Lippi għamel qabża inkredibbli. Prattikament rebaħ kollox, anke f’ambitu internazzjonali (Tazza UEFA, Tazza taċ-Champions, Tazza Interkontinentali fi spazju ta’ tliet snin mhumiex ċajta).
U kull darba li niftakar f’Torricelli moħħi jsib ruħu jmur biss għal logħba waħda: dik l-imbierka finali tal-1996 fl-Olimpico kontra l-Ajax. Il-gear il-blu, il-kalzetti mniżżlin, il-ġiri indumunjat mal-linja, il-ħin barrani milgħub b’saqajh imnejka iżda xorta waħda baqa’ l-aqwa player fil-ground. Imbagħad l-inżul mill-ajruplan b’siequ fil-ġibs u bit-tazza f’idu.
Nimmaġina li lanqas Torricelli ma kellu idea, meta ffirma fl-1992, li kellu jsir leġġenda daqs l-aqwa stilel tal-club u li Ġeppetto (laqam li bamballu bin-nejk Baggio fl-ewwel pre-season li kienu flimkien) ħa jsib ruħu s-suġġett tal-ewwel artiklu tiegħi, ferm qabel allat oħra.
Prosit Mark! Qanqaltli hafna nostalgija! Artiklu ferm interessanti
Grazzi Omar. In-nostalgija forte tieghi 🙂 u tajtuni cans tad-deheb
Proset mark u dak gow li kien ghamel kontra rangers☺☺☺
Grazzi Michael u napprezza. Away f’Ibrox Park hux dak? Niftakru u grazzi talli fakkartni. Konna tajniehom 4 away. 🙂
Prosit Mark, artiklu sabih hafna! ibqa waddbilna minnhom halli ingeddu il-memorji 🙂
Grazzi Eric 🙂 Napprezza. Hekk behsiebni naghmel ta’ kull gimgha 😉