minn Marlon Hili

Jista’ jkun għaliex jien niftakar lil Juventus imissu l-qiegħ tal-istorja glorjuża tagħhom fil-kampjonat tas-Serie B bi 13 il-punt żvantaġġ (u nemmen li plejer li jitlaq mhux se nikkumparah ma’ dik it-traġedja Juventina). Jista’ jkun ukoll li tant kemm jien iffissat fuq dan l-imbierek tim, li xi aħbar jew mossa negattiva jirnexxili nieħu l-pożittiv minnha u nispiċċa Juventin iktar mis-sena ta’ qabel.

Iż-żmien li nikkumparaw it-tim tagħna ma’ timijiet Taljani spiċċa, u spiċċa wkoll iż-żmien li nippruvaw indgħajfu l-istess tims li huma diġà ħafna iktar dgħajfa minn Juventus. Nemmen li llum Juventus laħqu livell ferm għoli, fejn mingħajr ma nindunaw aħna stess, is-sapporters, ingergru meta nixtru xi plejer bħal Bernardeschi jew Douglas Costa (emmnuni, irnexxieli nara min), meta sa ftit żmien ilu konna kważi neċitaw ruħna meta konna nixtru xi Vučinić jew Ogbonna.

Meta nkun naqra kwiet u nevalwa l-kampanja tat-trasferimenti li għamlu Juventus matul dan is-sajf, b’żewġ akkwisti fl-attakk li jiżdiedu ma’ li kien hemm fl-istaġun li spiċċa, suppost ieħor fin-nofs tal-grawnd, il-‘bdil’ bejn Dani Alves u De Sciglio, u l-bejgħ ta’ Bonucci, wieħed jista’ faċilment jgħid li forsi Juventus iddgħajfu u diffiċli nerġgħu narawhom fil-finali tat-tazza taċ-Champions b’dan it-tim.

Jekk tqabbel lil Juventus ma’ bilanċjatur, matul l-istaġun li għadda kont tarah ixaqleb sew lejn id-difiża. Iżda din is-sena, il-bilanċja ser tkun qiegħda timmarka bil-kontra, bin-nofs tal-grawnd ikun il-fulkru ta’ din il-bilanċja. Taħsbu li sinjal ħażin? Jien, li nħobb nara t-tazza nofsha mimlija, ngħid li le. Apparti li m’għandniex lil Paletta, Murillo jew xi Mario Rui fuq wara, b’din il-kampanja Juventus m’għamlu xejn ħlief komplew jibdlu l-mentalità Taljana għal waħda iktar Ewropea.

X’jiġifieri? Araw naqra min rebaħ it-tazza ta’ widnejha kbar f’dawn l-aħħar għaxar snin. Meta l-futbol kellu evoluzzjoni qawwija, u nazzarda ngħid li kważi d-difiżi ġew xi ftit mitfugħa f’ġenb, din intrebħet minn Manchester United, Barcelona u Real Madrid (tliet darbiet), Inter, Chelsea kif ukoll Bayern München.

X’għandhom komuni dawn it-timijiet? Ħa nfakkarkom ftit fil-plajers titolari li kellhom fuq quddiem matul is-snin (fi snin differenti sa mill-istaġun 2007/2008) dawn it-timijiet meta rebħu din it-tazza. Fil-parentesi ser nikteb lid-difensuri:

Barcelona – Messi, Henry, Ronaldinho, Eto’o, Suarez, Neymar (Dani Alves, Puyol, Mascherano, Piqué, Umtiti, Jordi Alba, Abidal, Márquez);
Manchester United – Cristiano Ronaldo, Giggs, Rooney, Tevez (Wes Brown, Ferdinand, Vidić, Evra);
Inter – Eto’o, Sneider, Milito (Córdoba, Maicon, Materazzi, Lucio, Chivu);
Chelsea – Torres, Drogba, Mata (Bosingwa, Terry, Cole, David Luiz, Cahill);
Bayern München – Robben, Ribéry, Müller, Mandžukić, Mario Gomez (Dante, Boateng, Lahm, Alaba);
Real Madrid – Cristiano Ronaldo, Isco, Bale, Benzema, Morata (Marcelo, Sergio Ramos, Pepe, Carvajal, Varanne).

Ovvjament (taqta’ barra l-Inter tat-triplete, li personalment nemmen li kellhom tim anzjan imma komplut) mhux qiegħed ngħid li kellhom lil Gabriel Paletta fin-nofs, jew lil Mario Rui u Nagatomo jaħartu l-linja u jitfgħu dawk il-blalen pinġuti fil-kaxxa, però lanqas ma kellhom lil Chiellini, Barzagli u Bonucci li huma famużi bħala l-aqwa trio difensiv f’dawn l-aħħar ħames snin.

Iżda dawn it-timijiet kellhom attakk qawwi u prolifiku (taqta’ barra lil Chelsea, li sinċerament għadni qiegħed nipprova nifhem kif rebħu din l-imbierka tazza u aħna le) li jippermettilhom li jiskurjaw imqar ballun iktar milli jikkonċedu; mentalità li forsi fl-aħħar Juventus qegħdin jifhmu.

Domanda sempliċi qabel ma nikkonkludi. Sa qabel il-finali tat-tazza ta’ din is-sena, Juventus kienu kkonċedew biss 3 gowls u skurjaw 21 gowl, filwaqt li Real Madrid ikkonċedew 15 u skurjaw 31. Fakkruni waħda min rebaħ iċ-Champions League?

Ħbieb Juventini, iddumux tevalwaw għax il-finali ta’ Kiev qiegħda biss 10 xhur ’il bogħod! Kuraġġ!

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280