Investigazzjoni li qed issir minn The New York Times qed titfa’ dubju dwar kemm Yonghong Li hu n-negozjant li ta x’wieħed jifhem li hu biex seta’ jixtri lil Milan.
Ġurnalist tal-ġurnal awtorevoli Amerikan mar fiċ-Ċina iżda ma sab l-ebda rekord ta’ Li waqt li l-kumpanija tal-minjieri li ċ-Ċiniż qal li għandu ma tidher imkien fuq ismu.
Wieħed minn tliet awturi tal-investigazzjoni, Tariq Panja, iddikjara hekk: “Ippruvajna nitkellmu ma’ ħafna nies, l-ikbar numru possibbli, kemm fiċ-Ċina kif ukoll madwar id-dinja. Kważi ħadd qatt ma sema’ b’Yonghong Li fiċ-Ċina.”
L-uffiċċji ta’ Li kienu vojta, għaliex naqas li jħallas il-kera, waqt li l-kompjuters kienu mingħajr hard disk. Kien hemm ukoll dud iduru, li juri biċ-ċar li l-uffiċċji ilhom abbandunati.
L-indikazzjonijiet juru li Yonghong Li ffalsifika l-informazzjoni dwar il-finanzi tiegħu. Kellu wkoll problemi legali tant li fl-2013 ġie mmultat €75,000 talli naqas milli jirreġistra l-bejgħ tal-ishma tiegħu f’kumpanija tal-bejgħ tal-proprjetà għal €43 miljun.
Mhux hekk biss iżda nstab li disa’ snin qabel, in-negozju tal-familja tiegħu Guangdong Green River Company ingħaqad ma’ żewġ kumpaniji oħra u ffrodaw iżjed minn 5,000 investitur għal €57 miljun. Konsegwenza ta’ dan, missieru u ħuh ingħataw sentenza ta’ ħabs.
Sors: The New York Times
Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artilu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.
Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com