It-tim immexxi minn Fabio Grosso ma rnexxilux idawwar l-iżvantaġġ ta’ 0-1 favurih, hekk kif fit-tieni leg tal-finali tat-Tim Cup Primavera safa megħlub 2-1 mit-tim ta’ Inter, biex b’hekk dawn tal-aħħar għollew dan it-trofew b’aggregate ta’ 3-1.
Kienet partita emozzjonanti, fejn il-fatt li kienet qiegħda tintlagħab fis-San Siro quddiem pubbliku numeruż, kien ta’ motivazzjoni iżjed sabiex din il-finali tkun waħda ta’ livell għoli.
Konxji mill-fatt li rebħa biss tista’ tissodisfahom, Juventus ħarġu mill-ewwel fuq l-offensiva, b’Grigoris Kastanos, Guido Vadalá u Roman Macek ikunu fost l-iżjed perikolużi. Juventus dehru iżjed konvinti mill-ewwel leg u dan intwera biċ-ċar meta marru fil-vantaġġ permezz tas-solitu Kastanos, meta fl-34 minuta. Macek qassam ballun intelliġenti lejn Kastanos, biċ-Ċiprijott isammar fix-xibka għal 0-1, riżultat li bih ingħalqet l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima, iż-żgħażagħ ta’ Grosso bdew jippressaw għat-tieni gowl u resqu viċin permezz ta’ Macek iżda l-gowlkiper Radu kien pront jipproteġi l-lasti. Hekk kif il-ħin beda għaddej, in-neroazzuri bdew ħerġin minn qoxorthom, bl-attakkant Albaniz Manaj ikun l-iżjed perikoluż. Infatti dan irnexxielu jġib il-gowl tad-dro fil-75 minuta biex prattikament irregala t-trofew lit-tim ta’ Inter. Huma rnexxielhom anke jdawru l-iskor favur tagħhom fl-aħħar battuti tal-konfront permezz ta’ Zonta, li kkonkluda fix-xibka wara kontrattakk perfett.
Wara r-rebħ tat-turnew ta’ Viareggio, Juventus ma rnexxilhomx jirbħu wkoll it-Tim Cup, madankollu huma qegħdin fil-quċċata tal-klassifika u żgur mhux forsi li se jkunu fost il-protagonisti fil-Final Eight tal-kampjonat.





