Rabja u attakk lejn is-soċjetà u d-diriġenza ta’ A.C. Milan. Hekk tista’ tiddeskrivi l-assemblea tal-klabb, li kkonfermat li s-sena finanzjarja għalqet b’telf ta’ €89.3 miljuni.

Rapporti jindikaw li waqt din l-assemblea, diversi persuni, ewlieni fosthom Giuseppe Gatti, għamlu attakk sħiħ fuq id-diriġenza, b’mod speċjali għalt-tibdil kontinwu tal-kowċis u n-nuqqas ta’ plejers ta’ kwalità.

“Is-sitwazzjoni qed tmur għall-agħar. Ma nistgħux ngħidu li t-tort hu ta’ Seedorf, Inzaghi u Mihajlovic. Ir-responsabiltà hi tad-diriġenza: Galliani u Berlusconi,” qal Gatti waqt l-assemblea.

Fl-istess laqgħa, Gatti staqsa fejn huma l-plejers ta’ stoffa tal-passat, bħal Baresi, Maldini u Galli, u fakkar lid-diriġenza fit-telf tal-kampjonat fit-tieni sena ta’ Allegri, it-tluq ta’ Pirlo u l-akkwist ta’ Matri.

“Kont nistenna li Galliani jirriżenja u Berlusconi jsir President Onorarju,” temm jgħid Gatti.

Sors: La Gazzetta dello Sport