Staġun 1966-67: Fl-istaġun 2001-02, Juventus rebħu kampjonat li deher diġà mirbuħ minn Inter. Dan il-fatt kien diġà seħħ fl-istaġun 1966-67.

Ta’ min wieħed isemmi li s-snin sittin kienu ċertament fost l-aħjar perjodi tal-klabb minn Milan. F’dan il-perjodu Inter kienu rebħu erba’ kampjonati u darbtejn it-Tazza taċ-Champions.

It-tim Interist ta’ dan il-perjodu kien magħruf bħala “La Grande Inter” u l-iskwadra tagħhom kienet tinkludi wħud mill-aħjar plejers li kien hemm fil-futbol Taljan ta’ dawk iż-żminijiet. It-tim kien immexxi mill-Arġentin Helenio Herrera.

Juventus f’dawn is-snin kienu mmexxija mill-kowċ mill-Paragwaj, Heriberto Herrera. Is-sistema tal-logħba ta’ Herrera kienet ibbażata fuq ġiri kontinwu u pressjoni kbira fuq l-avversarju, sistema’ li kienet magħrufa bħala “Movimiento”.

Herrera kien jippreferi plejers ta’ saħħa fiżika iktar minn dawk b’teknika notevoli. Dan ifisser li kellna żewġ timijiet b’filosofija opposta. Juventus jibbażaw fuq is-saħħa fiżika u Inter jibbażaw fuq il-kwalitajiet tekniċi tal-plejers tagħhom.

Ċertament Inter kienu favoriti għar-rebħ tal-kampjonat 1966-67. Huma kienu rebħu l-kampjonat ta’ qabel u kellhom staġun ferm pożittiv fejn għamlu kważi l-istaġun kollu fl-ewwel pożizzjoni.

Kellhom ukoll mixja ferm pożittiva fit-Tazza taċ-Champions tant li kkwalifikaw għall-Finali tat-Tazza taċ-Champions fejn l-avversarju tagħhom kellu jkun it-tim Skoċċiż ta’ Celtic.

Fil-25 ta’ Mejju, Inter affrontaw lil Celtic fl-Estádio Nacional f’Lisbona. Hawnhekk Inter tilfu il-logħba 2-1.

Fi tmien il-ġimgħa ta’ wara Inter kienu mistennija jirbħu l-kampjonat. Huma waslu għall-aħħar logħba b’vantaġġ minimu ta’ punt biss u kienu mistennija li jirbħu l-logħba tagħhom kontra Mantova.

B’sorpriża kbira, it-telfa fil-finali kontra Celtic ħalliet effett ferm ħażin fuq it-tim Interist, għax huma mhux tallli ma rebħux kontra Mantova iżda tilfu 1-0. Ta’ min isemmi li l-lasti ta’ Mantova kienu difiżi minn goalkeeper żagħżugħ li kellu jagħmel karriera twila fil-futbol Taljan … Dino Zoff.

Fl-istess ħin Juventus kienu għelbu lil Lazio 2-0 ġewwa Turin b’gowls minn Bercellino u Zigoni fost ċelebrazzjonijiet kbar mill-partitarji Juventini.