F’intervista għal TuttoSport, ħu Gonzalo Higuaín, Federico, sostna li l-plejer ta’ Juventus għandu snin twal jilbes il-flokk iswed u abjad.
“Gonzalo se jibqa’ ma’ Juventus għal żmien twil iżda nittama li s-sapporters ta’ Napoli jittrattawh sew ġewwa s-San Paolo. Jien, flimkien mal-familja tiegħi, ninsabu kburin li Gonzalo sar fost l-iktar plejers ta’ valur fil-futbol mondjali”.
“Id-deciżjoni li Gonzalo jissieħeb ma’ Juventus kienet deċiżjoni tiegħu. Hu jinsab kuntent ħafna bħalissa għax mal-plejers jaqbel ħafna u l-belt ta’ Turin laqtitu wkoll. Meta mort ġewwa Turin biex inżurha, rajt b’għajnejja stess li jinsab kuntent u naħseb li se jibqa’ ma’ Juventus għal żmien twil. Jien bħala ħuh nispera li jsir hekk għaliex apparti li Juventus huma fost l-ikbar klabbs fl-Ewropa, hemm atmosfera ta’ familja magħquda”.
Apparti l-logħba tal-kampjonat kontra Napoli f’April, issa Juventus wara li eliminaw lil Milan fil-Coppa Italia, se jiltaqgħu kontra Napoli fis-semifinali.
“Se jkunu logħbiet diffiċli kontra Napoli. Gonzalo skurja ħafna gowls bil-flokk ta’ Napoli u għalhekk nispera li s-sapporters jittrattawh sew.”
Sors: Tuttosport
Ħalli Kumment