Wara r-rebħa u l-wirja konvinċenti fil-Mapei Stadium kontra Sassuolo, Juventus jirritornaw fl-azzjoni nhar il-Ħadd li ġej meta ġewwa l-Juventus Stadium jaffrontaw lir-rivali Inter.
Din il-partita dejjem ikun hemm stennija għaliha speċjalment mis-sapporters taż-żewġ naħat. Juventus se jkunu qed ifittxu tliet punti oħra importanti fejn wara tliet rebħiet konsekuttivi, tnejn fil-kampjonat u waħda fil-Coppa Italia, b’rebħa ohra jkomplu jsaħħu u jikkonsolidaw ruħhom f’ras il-klassifika.
It-tim ta’ Inter attwalment jinsab fir-raba’ post tal-klassifika tas-Serie A, 3 punti inqas minn Napoli li jinsabu fit-tielet post u disa’ punti ’l bogħod minn Juventus. Fil-kampjonat Inter ġejjin minn serje ta’ seba’ rebħiet konsekuttivi. Dan kien fattur importanti li għenhom jitilgħu ’l fuq fil-klassifika. Wara 22 logħba, Inter rebħu 13-il partita, ġew draw tliet logħbiet u fis-sitt ħargiet l-oħra ġew megħluba. Skurjaw 37 gowl u sofrew 23.
Fil-bidu tal-istaġun it-tim ta’ Inter kienu ħatru lill-Olandiż Frank de Boer bħala kowċ tagħhom iżda dan ġie mkeċċi mill-kariga fl-1 ta’ Novembru 2016 biex ġimgħa wara proprju fit-8 ta’ Novembru ħatru lill-kowċ eks Lazio, Stefano Pioli.
Pioli tahom ħajja ġdida u ttransforma t-tim fejn kif għedt qabel, fl-aħħar seba’ ħarġiet fil-kampjonat, irnexxielhom jieħdu l-punti massimi: 21 punt. Fl-aħħar partita tal-kampjonat li ntlagħbet nhar is-Sibt, 28 ta’ Jannar ġewwa San Siro, Inter għelbu lil Pescara bl-iskor ta’ 3-0. Il-gowls ġew skurjati minn D’Ambrosio, Joao Mario u Eder.
Nhar it-Tlieta kienu impenjati fil-kwartifinali tal-Coppa Italia kontra Lazio meta f’darhom ġew megħluba u eliminati bl-iskor ta’ 1-2. Din it-telfa temmet it-tamiet ta’ Inter li jakkwistaw xi unur għal dan l-istaġun wara li kienu eliminati mill-fażi tal-gruppi tal-Europa League u fil-kampjonat se tkun diffiċli ħafna li jwettqu xi sorpriża.
Juventus se jkunu qed ifittxu li jpattu għad-diżappunt tat-telfa kontra l-istess Inter tal-ewwel rawnd. Inter kienu għelbu lil Juventus bl-iskor ta’ 2-1 ġewwa s-San Siro wara li l-Bianconeri kienu marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Lichsteiner. Mauro Icardi u Perišić kienu skurjaw għal Inter biex dawru l-partita favurihom u ħarġu rebbieħa f’logħba pjaċevoli.
Nhar il-Ħadd jerġa’ jitla’ s-separju għal partita oħra pjaċevoli bejn żewg rivali fil-futbol Taljan. Juventus se jkunu qed ifittxu tliet punti fil-mixja għas-sitt kampjonat konsekuttiv filwaqt li l-avversarji, b’rebħa, jaspiraw li jidħlu fil-ġirja għar-rebħ tat-titlu.
Ħalli Kumment