minn Joseph Mizzi

Is-sajf tal-2015, l-aħħar jum tas-suq tat-trasferimenti, taqtigħ il-qalb fuq l-imbierek trekwartista tant mixtieq u mfittex is-sajf kollu mid-diriġenza Juventina. L-isem li joħolmu bih il-partitarji ta’ La Vecchia Signora huwa dak ta’ Julian Draxler. Iżda l-istorja kerha ta’ dak il-lejl tirrakkonta li n-negozjati sfumaw fix-xejn fl-aħħar minuta. U xterdet aħbar oħra bħal sajjetta, li trattattiva oħra se twassal lil De Carvalho Lima Anderson Hernanes sal-grawnds ta’ Vinovo.

Ir-relazzjoni mas-sapporters qatt ma’ kienet waħda minn dawk is-sbieħ, forsi minħabba d-delużjoni wara n-nuqqas ta’ ingaġġ ta’ fuoriclasse, forsi minħabba li dan kien il-klassiku traqqiq tal-pannu bil-qara’ aħmar tas-suq bi plejers b’passat Interist, il-fatt jibqa’ li 37 preżenza (2,395 minuta, u 2 gowls biss) bil-flokk iswed u abjad, spiss akkumpanjati minn kritika qawwija mill-pubbliku, ma kinux jeċitaw wisq il-partitarji Juventini.

Wara li sfumat il-wasla ta’ Witsel ma’ Juventus fl-aħħar sekondi tas-suq tat-trasferiment tas-sajf 2016, il-Profeta kellu jerġa’ jbattal il-bagalji li kien diġà ppakkja, lest biex jitlaq bihom lejn Genoa. Kif nafu, is-suq tat-trasferimenti mimli sorpriżi, speċjalment meta l-protagonista huwa l-El Dorado ‘made in China’ fejn is-sessjoni tas-suq tat-trasferimenti tagħlaq fit-28 ta’ Frar. Jonqos biss l-uffiċjalità u ż-żjarat mediċi diġà bbukkjati f’Marbella. Kważi nistgħu nitkellmu dwar operazzjoni diġà magħluqa bejn Hebei Fortune u Juventus: Hernanes lest itir lejn il-kowċ Pellegrini għas-somma ta’ €8,000,000 b’€2 miljun oħra bonus.

Operazzjoni b’implikazzjonijiet ekonomiċi interessanti għall-kumpanija ta’ Corso Galfer li fil-31 ta’ Awissu 2015 iddikjarat li kienet iffinalizzat ftehim mal-kumpanija FC Internazionale S.p.A. għall-akkwist definittiv tad-drittijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ Hernanes għas-somma ta’ €11,000,000 pagabbli fi tliet snin flimkien ma’ massimu ta’ € 2 miljun oħra bonus skont jekk jilħaqx ċerti objettivi sportivi matul il-perjodu tal-kuntratt (sat-30 Ġunju, 2018).

Juventus, minbarra li se tiffranka €9,000,000 gross għall-ingaġġ sa Ġunju 2018, minħabba l-mekkaniżmu tad-deprezzament, se jkun kapaċi jirreġistra plusvalenza ta’ madwar € 2.5 miljuni matul is-sena kurrenti. Fil-fatt, il-valur skont il-kotba kontabilstiċi attwali ta’ Hernanes huwa ta’ €11,648,000, inklużi l-ispejjeż u l-premjijiet, li minnhom € 500,000 imorru bħala kummissjoni għall-aġent tiegħu.

L-ispiża annwali ta ‘deprezzament ta’ Hernanes tammonta għal €3,883,000. Il-valur residwu li għad irid jiġi amortizzat, fil-31 ta’ Jannar 2017 kien ta’ madwar €5,500,000. Qligħ li għandu jiżdied mad-dħul diġà tajjeb mill-player trading li se jara lil Juventus jagħlqu l-bilanċ għall-2016/17 bi qligħ ta’ madwar €118,000,000.

Il-Profeta b’hekk se jħalli mingħajr wisq dispjaċir il-kampjonat Taljan u din id-darba l-kutrumbajsa doppja se jagħmilha proprju Beppe Marotta, għar-riżultat ekonomiku mhux mistenni milħuq b’din it-trattattiva.

Sors: Gianluca Di Marzio

dical-banner-1200×280