Fil-partita ta’ nhar l-Erbgħa li għadda kontra Crotone, Paulo Dybala lagħab b’żarbun iswed mingħajr is-soltu arma tan-Nike.

Fil-verità kienu l-Mercurial li jilbes normalment, iżda l-logo ġie mgħotti peress li l-kuntratt tiegħu mad-ditta Amerikana kien skada fl-ewwel ta’ Frar waqt li l-plejer għadu ma ddeċidiex ma’ min se jiffirma. S’issa jidher li n-Nike jixtiequ jġeddu l-kuntratt mal-attakkant Argentin, iżda hemm ukoll Adidas, Puma u Under Armour fit-taqtigħa għall-firma tiegħu.

Dybala bħalissa qiegħed fil-fażi tat-tiġdid tal-kuntratt tiegħu ma’ Juventus. Kif kollox qed jindika, se jkun kuntratt ta’ top player, simili ħafna għal dak ta’ Higuaín. Għaldaqstant Dybala qed ifittex li jsir il-wiċċ tal-isponsor il-ġdid. Se tkun diffiċli għalih jilħaq dan l-għan ma’ Nike jew Adidas. Iżda Under Armour, kumpanija Amerikana li għamlet suċċess qawwi fid-dinja tal-isport fl-2016, qiegħda tfittex wiċċ magħruf fid-dinja tal-futbol. U Dybala jaf ikun dak il-plejer li qegħdin ifittxu.

Ta’ min wieħed jinnota li matul l-istaġun li għadda Pogba wkoll kien għadda minn perjodu simili. Eventwalment kien iffirma kuntratt ma’ Adidas, li għenuh isir l-ikona li sar fuq ix-xena globali. U kienu Adidas ukoll li mbuttawh biex imur ma’ Manchester United, klabb li kienu investew fih kważi biljun ewro f’għaxar snin. Nittamaw biss li l-istorja ma tirrepetix ruħha b’Paulo Dybala.

Sors: La Gazzetta dello Sport

dical-banner-1200×280