Staġun 1993-94: Juventus jaffrontaw lit-tim ta’ Lokomotiv Moska fl-ewwel rawnd tat-Tazza Uefa.
Fil-memorja ta’ ħafna, din il-logħba tibqa’ mfakkra għaż-żewg gowls mill-isbaħ li skurja Roberto Baggio. Dawn il-gowls tistgħu tarawhom fil-filmat li qegħdin inġibulkom illum.
F’din il-logħba hemm fattur ieħor li huwa ta’ ċertu importanza, dan huwa l-fatt li l-logħba kienet qiegħda tintlagħab fl-istadio Renato Dall’Ara ta’ Bologna. Dan il-fattur ma kienx kumbinazzjoni imma parti minn pjan ta’ Juventus li kien jirrigwarda l-istadio Delle Alpi li kien għadu kemm ġie inawgurat tliet snin qabel fl-okkażjoni tat-Tazza tad-Dinja ta’ Italia 90.
L-istadio Delle Alpi kien ġie mibni bħala parti mill-proġetti ta’ tisbiħ u bini mill-ġdid ta’ numru ta’ stadiums li kienu ser jilqgħu ġewwa fihom il-logħob tat-Tazza tad-Dinja. L-iddisinjar u l-proġettar tal-istadium kien totalment f’idejn numru ta’ entitajiet li kien jinkludu l-Gvern Taljan, il-kumitat Olimpiku Taljan u l-Federazzjoni tal-futbol Taljana. Waħda mill-ewwel fatturi li affettwaw il-bini tal-istadiums fl-Italia kien il-fatt li l-kumitat Olimpiku Taljan immexxi minn Primo Nebbiolo kien għamel pressjoni fuq l-awtoritajiet biex l-istadiums il-ġodda li kienu qegħdin jinbnew għall-okkażjoni jkollhom it-track tal-atletika sabiex dawn l-istadiums jintużaw għal sports oħra apparti l-futbol. Il-futur wera li dan kien żball kbir.
Juventus mill-ewwel kienu indunaw li l-istadio Delle Alpi ma kienx stadium li verament kien addattat għal-logħba tal-futbol. Il-pożizzjoni tal-ispettaturi kienet ferm ‘il bogħod mill-grawnd, speċjalment minħabba t-track tal-atletika. Apparti minn hekk id-Delle Alpi kien stadium li kien inbena fil-parti periferali tal-belt ta’ Turin. Dan kien ta’ kuntrast għall-istadio Comunale li kien fiċ-ċentru tal-belt. Il-viżwali fqira għall-ispettaturi, id-distanza miċ-ċentru tal-belt u l-arkitettura ġenerali tad-Delle Alpi kien wassal biex l-attendenzi tal-pubbliku jibdew jonqsu progressivament.
Dan kollu kien wassal Juventus biex jippruvaw jiftħu taħdidiet mal-kunsill ta’ Turin (li kellu f’idu t-tmexxija tal-istadium il-ġdid) biex Juventus jieħdu f’idejhom l-istadium u jagħmlu tibdil drastiku fih biex iġibuh iktar addattat għal-logħba tal-futbol. Naturalment il-fatt li dan l-istadium kien għadu kemm inbena tliet snin qabel u li fuqu kienu intefqu ħafna flus (bħas-soltu fl-Italja n-nefqa totali kienet ġiet ferm iktar ogħla min-nefqa ppjanata oriġinarjament) wassal għal ħafna reżistenza min-naħa tal-awtoritajiet biex jaċċettaw il-proposti ta’ Juventus.
Minħabba r-reżistenza tal-awtoritajiet, Juventus kien ħa deċiżjoni li ċertu logħbiet tat-tim jintlagħbu ‘l bogħod minn Turin. Naturalment dan sar biex tintefa’ pressjoni fuq l-awtoritajiet. Appuntu waħda mill-ewwel logħbiet li ntlagħbu ġewwa stadiums oħra kienet din il-logħba kontra it-tim ta’ Lokomotiv Moska, logħba ta’ bħal-lum tlieta u għoxrin sena ilu. Din ma kinitx l-unika okkażjoni fejn Juventus kienu lagħbu logħbiet “home” ġewwa stadiums oħra. Infatti fl-istaġun ta’ wara (1994-95) il-logħbiet tas-semifinali u l-finali tat-Tazza Uefa kien saru ġewwa l-istadium ta’ San Siro.
Naturalment ħafna jafu kif żvolġiet l-istorja. Antonio Giraudo kien baqa’ jinsisti fuq il-bżonn li d-Delle Alpi jiġi mibdul u matul it-tmexxija tiegħu kien ukoll irnexxielu jġib il-permess biex id-Delle Alpi jitwaqqa u minfloku jinbena stadium ġdid. Is-snin baqgħu għaddejjin u l-fatti ta’ calciopoli kienu waqfu ix-xogħol li Giraudo kien qiegħed jippjana, biss id-diriġenza l-ġdida kienet kompliet fuq ix-xogħol ta’ Giraudo sabiex fis-sena 2011 kien ġie inawgurat il-Juventus Stadium. Il-proġett ma waqafx hemm u sejjer ikompli jikber fis-snin li ġejjin bil-bini ta’ Cittadella ddedikata totalment lil Juventus, biswit l-istadium il-ġdid.
Ħalli Kumment