Staġun 2008-09. Il-logħba kontra Lazio bħal-lum seba’ snin ċertament tibqa’ mfakkra għax kienet l-aħħar logħba tal-leġġenda Pavel Nedved bil-flokk abjad u iswed.

Nedved ingħaqad ma’ Juventus fis-sajf tal-2001 f’sessjoni tas-suq tat-trasferimenti li ħalliet tibdiliet kbar fit-tim Juventin.Plejers importanti bħal Zidane, Inzaghi u Van Der Sar telqu, u minflokhom inġiebu Buffon, Nedved, Thuram u Salas.

Pavel rebaħ il-kampjonat ma’ Juventus għal erba’ darbiet (2001-02, 2002-03, 2004-05 u 2005-06). Ċertament l-ikbar diżappunt għal Nedved dejjem baqa’ l-fatt li ma rnexxilux jirbaħ iċ-Champions League bil-flokk Juventin.

Ta’ min jiftakar il-karta safra li kien qala’ fis-semifinali kontra Real Madrid. Dik il-karta safra kienet tellfitu l-okkażjoni li jilgħab fil-finali kontra Milan. Jaf b’Pavel fl-iskwadra, dik il-logħba kienet tintemm differenti.

Wara li Nedved irtira mil-logħba fl-aħħar tal-istaġun 2008-09, il-President ta’ Juventus, Andrea Agnelli (bħala waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li kienet ittieħdet waqt il-Presidenza tiegħu) inkluda lil Nedved fil-grupp ta’ tmexxija tal-klabb ta’ Turin. F’Ottubru tal-2015, Pavel ingħata l-kariga ta’ Viċi President tal-klabb.

Min kellu l-okkażjoni (fl-aħħar ħames snin) jitla’ jara logħob ta’ Juventus, ċertament seta’ jinnota li qabel kull logħba, Pavel ikun hemm isfel, fit-tarf tal-pitch, dejjem lest biex jittrażmetti l-grinta tiegħu lill-plejers Juventini.