Staġun 1960-61. Dan il-kampjonat kellu tmiem ferm kontroversjali.
L-istaġun kien karatterizzat minn tiġrija kontinwa għall-ewwel pożizzjoni, bejn Juventus u Inter. Il-konfront dirett tat-tieni rawnd kellu jintlagħab fis-16 t’April.
Sfortunatament, minħabba nuqqas ta’ sigurtà, numru kbir ta’ spettaturi bla biljett irnexxielhom jidħlu fl-Istadio Comunale ta’ Turin.
Tant kien hemm nies żejda fl-istadium, li numru kbir ta’ spettaturi kellhom joqogħdu bilwieqfa maġenb il-linji tal-grawnd. Ir-referì ħass li b’dawk il-kundizzjonijiet il-logħba ma setgħetx tintlagħab u l-logħba ġiet abbandunata. Bħala organizzaturi tal-logħba, Juventus instabu ħatja ta’ negliġenza u Inter ingħataw ir-rebħa fuq il-mejda.
Il-kampjonat baqa’ għaddej. Biss fit-3 ta’ Ġunju, Juventus appellaw mid-deċiżjoni oriġinali tal-FIGC u eventwalment rebħu l-każ. Ġie deċiż li l-logħba terġa’ tintlagħab fl-10 ta’ Ġunju.
Sadattant Inter kienu tilfu waħda mill-aħħar logħbiet tagħhom kontra Catania, u flimkien mal-punti li tnaqqsulhom minħabba l-appell mitluf, kien fisser li Juventus matematikament rebħu l-kampjonat.
Bħala protesta għad-deċiżjoni tal-FIGC, u iktar u iktar billi Inter ma kienx fadlilhom tama li jilħqu lil Juventus, huma ddeċidew li jinżlu għall-aħħar logħba ġewwa Turin bit-tim tal-Primavera.
Id-differenza bejn it-timijiet kienet evidenti mir-riżultat tal-logħba.
Ħalli Kumment