Staġun 1980-81. Ċertament li l-logħba ma’ Roma f’dan l-istaġun tibqa’ tissemma minħabba l-kontroversja li nħolqot.
Juventus u Roma kienu qed jissieltu għar-rebħ tal-kampjonat. Din kellha tkun il-logħba deċiżiva anke jekk wara din il-logħba, iż-żewġ timijiet kien għad fadlilhom żewġ logħbiet oħra x’jilagħbu.
Il-kontroversja kbira li kienet inħolqot minħabba l-gowl tad-difensur Maurizio Turone, li kien tħassar għal offside, kienet żiedet mhux ftit ir-rivalità bejn il-klabbs, fis-snin meta Juventus u Roma kienu fost l-iktar b’saħħithom fis-Serie A.
Ta’ min isemmi li madwar tletin sena wara din il-logħba, Carlo Sassi, li kien il-ġurnalist tar-Rai responsabbli għal snin twal mill-movjola, kien ammetta li l-filmat ta’ dak il-gowl kien ġie mbagħbas mit-tekniċi tar-Rai biex jidher li Turone ma kienx f’pożizzjoni ta’ offside meta laqat il-ballun bir-ras.
Dan kien sar biex fl-aħħar żewġ logħbiet tal-kampjonat titpoġġa pressjoni kbira fuq Juventus. Il-pressjoni kellha tkun detrimentali għal Juventus u ta’ vantaġġ għal Roma. Biss l-affarijiet ma marrux kif ħasbu dawn in-nies għax il-Bianconeri baqgħu sejrin fit-triq li wasslithom għar-rebħ ta’ kampjonat ieħor.
Ħalli Kumment