Staġun 1972-73. Hija ħaġa ċerta li l-iscudetto mirbuħ fil-ħamsa ta’ Mejju 2002 għandu post speċjali fil-memorja ta’ kwalunkwe partitarju Juventin. Dak kien suċċess mhux mistenni, kontra avversarju kbir.
Forsi mhux kulħadd jiftakar li dak il-kampjonat ma kienx l-uniku wieħed li ntrebaħ fl-aħħar ġurnata ta’ logħob.
Fil-bidu tal-istaġun 1972-73, Juventus ċertament kienu fost il-favoriti għar-rebħ tal-kampjonat. Biżżejjed ngħidu li l-Bianconeri kien rebħu l-kampjonat 1971-72 u ssaħħew bl-akkwist tal-goalkeeper Dino Zoff u l-attakant José Altafini (it-tnejn li huma mingħand Napoli).
Il-Bianconeri kien għaddew minn xi perjodi mhux wisq pożittivi waqt l-istaġun, biss fl-aħħar xahrejn tal-kampjonat, Juventus kienu għamlu sensiela ta’ rebħiet li wasslithom ferm viċin tal-quċċata.
B’logħba waħda għat-tmiem tal-kampjonat, il-klassifika kienet turi lil Milan fl-ewwel pożizzjoni b’44 punt, segwiti minn Juventus u Lazio bi 43 punt.
Fil-ġimgħa li kienet twassal għall-aħħar ġurnata tal-kampjonat, Milan kien imisshom jilagħbu l-Finali tat-Tazza għar-Rebbieħa tat-Tazzi kontra Leeds United.
Dan l-impenn xi ftit jew wisq seta’ tellef lil Milan fil-preparazzjoni tagħhom anke jekk il-logħba li Milan kellhom kontra Verona kienet (fuq il-karta) tidher ferm iktar faċli mill-impenn ta’ Juventus fl-Olimpico, kontra Roma. Lazio kellhom jilagħbu kontra Napoli.
Insegwu dak li ġara fl-aħħar 90 minuta tal-kampjonat f’dawn iż-żewġ filmati.
Ħalli Kumment