Fl-ewwel artiklu minn din is-sensiela ħa naqbżu l-logħba importanti għat-tim sorpriża tal-2015/2016, il-logħba bejn Leicester u Newcastle, b’dawn tal-aħħar taħt it-tmexxija ġdida tal-ekskowċ ta’ Real Madrid u Napoli, Rafa Benitez, u l-logħba bejn Granada u Espanyol.

Il-formazzjoni magħżula għal-lum hija dik ta’ 4-3-3.

Gowler: Oliver Baumann (Hoffenheim) – Logħba straordinarja għall-gowler Ġermaniż kontra Wolfsburg, fejn bil-preżenza tiegħu, permezz ta’ 9 saves, ħalla bit-tama lit-tim ta’ Hoffenheim sabiex is-sena d-dieħla jkompli jieħu sehem fl-ogħla kampjonat Ġermaniż. Vot : 8.5

Difensur: Timm Klose (Norwich) – Draw importanti għat-tim ta’ Norwich kontra Manchester City, però dan seta’ jkun ferm iktar negattiv għal Norwich kieku ma kienx għal Klose. Brillanti fil-pożizzjoni tiegħu u żamm disgħin minuta l-qawwa tat-tim minn Manchester. Pass importanti fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni? Vot: 8.5

Difensur: Danilo D’Ambrosio (Inter) – Rebħa oħra għat-tim ta’ Roberto Mancini, bid-difensur laterali jkollu waħda mill-aqwa logħbiet kemm ilu mat-tim minn Milan. Bid draw bejn Chievo u Milan, il-prestazzjoni ta’ D’Ambrosio tista’ twassal sabiex Inter ikollhom sieq waħda ġewwa biex is-sena d-dieħla jilagħbu fl-Ewropa. Vot: 8.5

Difensur: Issagia Sylla (GF Ajaccio) – Filippi u Sylla żammew sod sabiex l-Ajaccio jirbħu logħba importantissima kontra wieħed mit-timijiet sorpriża tal-kampjonat Franċiż. Il-plejer ta’ 22 sena kien konsistenti tul il-logħba kollha u dan ħalla lis-sapporters tal-Ajaccio jemmnu li s-sena d-dieħla jerġgħu jkunu fl-ogħla diviżjoni Franċiża. Vot: 8.1

Difensur: Mergrim Mavraj (Kolonja) – Kolonja baqgħu jsaħħu posthom f’ nofs il-klassifika Ġermaniża meta għelbu barra minn darhom lil Hannover bl-iskor ta’ 2-0. Kien Mavraj li mexxa d-difiża għat-tim minn Kolonja u anke għamel interventi importanti sabiex ħalla lill-iskwadra ta’ Hannover ’il bogħod milli jsalvaw hekk kif jinsabu taħt nett fil-klassifika. Vot: 8.3

Midfielder: Mahmoud Dahoud (Borussia Monchengladbach) – Gowl u prestazzjoni superba għas Sirjan ta’ 20 sena li żgur mhux forsi tefa’ dawl qawwi fuq il-futur tiegħu. Logħba oħra li turi l-istaġun pożittiv ta’ Dahoud li f’età hekk zgħira huwa ġa promessa importanti. Vot: 8.7

Midfielder: Rachid Ghezzal (Lyon) – Logħba oħra tajba li swiet it-tieni premju konsekuttiv tar-raġel tal-partita lill-plejer Franċiż ta’ Lyon, b’ gowl importanti li madankollu ma ppermettiex lil Lyon li jieħdu t-tliet punti kollha, meta huma ġew miżmuma minn Rennes. Logħba li dawret ħarset Deschamps sabiex jgħajjat lil Ghezzal dan is-sajf? Vot: 8.9

Midfielder: Bruno Fernandes (Udinese) – Il-gowl u d-determinazzjoni tal-Portugiż ma kinux biżżejjed sabiex it-tim minn Udine, taħt it-tmexxija ta’ Colantuono, jipprovaw jagħlqu l-istaġun fuq nota pożittiva. Gowl li wasal fl-aħħar ħinijiet tal-partita minn Bruno Fernandes kontra tim għaddej minn forma fantastika, wara t-tluq ta’ Rudi Garcia iktar kmieni din is-sena. Vot: 8.4

Attakkant: Graziano Pellè (Southampton) – Aħbar pożittiva għal Antonio Conte, hekk kif wara żmien ta’ injury, l-attakkant Taljan Pellè rritorna u skurja doppjetta u zamm lil Southampton bit-tama li fit-tmien logħbiet li fadal jiżloq xi wieħed bejn West Ham u Manchester United u jgħaddu għall-Ewropa wara bidu kemxejn negattiv. Taħsbu li Pellè għandu jkun fil-lista tal-attakkanti ta’ Antonio Conte għal meta jiġi s-sajf? Vot: 9.1

Attakkant: Munir El-Haddadi (Barcelona) – Imdawwar mill-aqwa plejers fil-preżent. El-Haddadi ma sabhiex bi tqila biex iħalli ismu fil-logħba kontra Getafe, żewġ logħbiet ’il bogħod minn dik kontra Real Madrid. Apparti l-wirja fantastika tas-soliti Neymar u Messi, Munir, ta’ 17-il sena, wera li kapaċi jkun plejer importanti fl iskwadra ta’ Luis Enrique u anke riserva ta’ kalibru għal meta jkun hemm il-feroċi Suarez qed jistrieħ, fl-aħħar partiti tal-kampjonat. Vot: 8.1

Attakkant: Zlatan Ibrahimovic (Paris St Germain) – “Nibqa’ biss jekk jagħmlu statwa tiegħi flok it-Torri Eiffel.” Hekk qal Zlatan, wara li fajjar 4 gowls lit-tim tista’ tgħid relegat ta’ Troyes. Il-gowls ta’ Zlatan fir-rebħa kbira ta’ 9-0 għenu sabiex it-tim minn Pariġi jirbaħ il-kampjonat għar-raba’ darba konsekuttiva. Zlatan għal darb’oħra wera kemm hu pedina importanti għal kull tim li jkun miegħu. Meta se jgħolliha ta’ widnejha kbar? Vot: 10.0

Kowċ: Rubi (Levante) – 3 punti sagrosanti għal Levante kontra r-rivali lokali, Valencia. Il-gowl ta’ Giuseppe Rossi wassal sabiex jagħti tama lil Levante li s-sena d-dieħla jibqqħu jilagħbu fl-ogħla diviżjoni. Rubi kien attent li jżomm l-iskor minimu favur it-tim tiegħu, u fejn anke kienu viċin li jkabbru l-vantaġġ kontra t-tim li tilef l-aħħar 4 logħbiet minn ħamsa.

L-għażla tal-formazzjoni u l-plejers hi fid-diskrezzjoni u l-opinjoni tal-awtur. Kull kumment jew suġġeriment ikun apprezzat.

Sorsi: WhoScored/Transfermarkt/Goal.com

Segwina wkoll fuq Facebook, fil-paġna uffiċjali tagħna, kif ukoll fuq Instagram u Twitter.