Wara t-trijonf fit-turnew ta’ Viareggio, it-tim tal-Primavera ta’ Juventus dawwar l-attenzjoni tiegħu fuq il-kampjonat hekk kif kien impenjat f’logħba missielta kontra l-ġirien Novara, bit-tim immexxi minn Fabio Grosso joħroġ rebbieħ bl-iskor ta’ 1-0, b’gowl ta’ Guido Vadalá.
Juventus bdew fuq l-offensiva permezz ta’ Vadalá, Oumar Toure u t-talentuż Moises Kean, iżda l-ewwel azzjoni denja ta’ nota kienet propju l-azzjoni li waslet għall-gowl, hekk kif Alessio Di Massimo twaqqa’ fil-kaxxa, biex l-Arġentin Vadalá kkonverta mill-ħdax-il metru biex tefa’ lil Juventus fil-vantaġġ.
Vantaġġ illi fit-tieni taqsima Juventus għarfu jamministraw, minkejja l-attakki kontinwi ta’ Novara lejn l-aħħar battuti tal-konfront. Kienet ġurnata fejn kemm il-Primavera, kif ukoll l-ewwel skwadra ħadu tliet punti li fuq il-karta dehru ħfief, iżda fil-grawnd dehru iżjed diffiċli. Dan juri d-DNA ta’ lider illi s-soċjetà ta’ Juventus għarfet terġa’ tirrestawra f’dan l-aħħar snin.
L-ewwel XI ta’ Juventus: Audero (C), Vogliacco, Coccolo, Didiba, Toure, Parodi, Eleuteri, Vadalá, Kean, Di Massimo, Beruatto.





