1. Allegri u l-arja ta’ Milan

Is-suspett huwa li meta Allegri telaq mill-belt ta’ Milan lejn Turin, ħa miegħu ftit fortuna Ewropea, li tant kienet nieqsa. Rajna minn kollox fil-passat f’tazzi Ewropej, sa dilluvji, u meta ħaġa tista’ tmur ħażin, spiss tmur ħażin. Però b’Max, hemm ħjiel ta’ tendenza differenti, fosthom nhar it-tlieta. L-uċuħ tal-Franċiżi kienu dawk ta’ ‘ppruvajna minn kollox, imma ma riedx jaf’. U apparti Buffon, li kien smewwieti, il-fortuna tilgħab parti wkoll. Grazzi Max!

2. Il-midfield fadallu x’jitjieb

Il-midfield għadu batut – nistennew ħafna aħjar minn Pjanić, li f’ċerti mumenti jilgħab b’superfiċjalità reminixxenti ta’ Tiago, u nafu li jaf ħafna aqwa minn hekk. Se nagħtuh ċans, anke għax nhar it-tlieta qabel il-partita rajna l-film Bianconeri (jekk għandkom ċans, morru arawh, sabiħ immens) u aprezzajna kif anke l-kbar nett bħal Platini kellhom bżonn iż-żmien biex jidraw. Imma jrid iqum minn hemm.
Khedira jbati f’partiti ta’ intensità għolja fejn meħtieġ li jiġri ħafna, Hernanes u Sturaro ma humiex ta’ dawn il-livelli u Lemina ma għandux esperjenza neċessarja tant li żball li ħa seta’ jiswiena qares bħalma ġralna s-sena l-oħra, bi tkeċċija kontra l-Monchengladbach. Fortunatament Cuadrado u Buffon ħasbuha mod ieħor.
Ir-ritorn ta’ Marchisio għandna stennija għalih, iktar mill-manna u s-summien fid-deżert.

3. L-importanza ta’ Higuaín

Prestazzjoni insuffiċjenti minn Dybala, u kien hemm bżonn tal-aqwa Higuaín, li ma ddiżappuntax. Partita li wriet għala Higuaín huwa ħafna aktar minn sempliċement finalizzatur. Il-gowl ma wasalx, imma Gonzalo rebaħ numru ta’ fawls prezzjużi speċjalment bi plejer inqas, kien ta’ appoġġ għall-kollegi, u l-passaġġ fl-okkażjoni tal-gowl kien ta’ viżjoni ġenjali.

4. Dani Alves u Allegri

Ma nħobbx immaqdar lil Allegri, imma jekk hemm xi ħaġa li ma togħġobnix fih hija l-ġestjoni ta’ Daniel Alves, li nhar it-tlieta deher mitluf u għamel numru ta’ żbalji. Min segwa ftit l-istaġuni tiegħu tal-Barcelona jaf illi huwa plejer ta’ kontinwità u bżulija liema bħalha, u l-iżbalji li għamel nhar it-tlieta, fi Spanja kien jagħmilhom f’sena. U fl-opinjoni tiegħi, dan mhux tort tiegħu, għax kull plejer għandu bżonn iż-żmien biex jidra sistema ta’ futbol ġdida u kollegi ġodda. U għalhekk nistenna li Allegri jimpjega lil Alves aktar spiss; jekk nixtiquh isib il-forma malajr, hemm bżonn li jkun aktar involut fil-kampjonat, biex fil-partiti deċiżivi taċ-Champions League ikun diġà rabba ċertu familjarità.

5. “Oh captain, my captain”

Jeżistu captains li meta jirċievu ħjiel ta’ kritika, jintefgħu fuq il-mejda, jiktbu awtobijografija, u fiha jheddu ‘l dak u lill-ieħor, u “nġib mitt kriminal minn pajjiżi u mmorru għalihom”.
Imbagħad jeżistu captains li meta jirċievu l-kritika, iwieġbu għaliha fuq il-pitch, bi prestazzjonijiet straordinarji. Fuq il-mejda, jew fuq il-pitch, it-timijiet isibu l-captains li jixirqilhom.
Fl-aħħar jiem faħħarna, ġustament, lil goaler ieħor Spanjol u saħansitra eleġġejnieh għal ‘l-aqwa fid-dinja’. Fortunatament għalina, Gigi bdiet itteptiplu għajnejh, u ddeċieda li jerġa’ jpoġġi l-pjazza fiċ-ċentru tar-raħal.
U jekk Gigi jikteb awtobijografija, fil-libreriji ssib postha fis-sezzjoni ‘science-fiction’.

dical-banner-1200×280