Nhar l-Erbgħa li ġej, Juventus jaffrontaw lil AC Milan fil-kwartifinali tal-Coppa Italia ġewwa l-Juventus Stadium. Dan se jkun it-tielet konfront kontra xulxin taż-żewg timijiet, wieħed fil-kampjonat u l-ieħor fil-finali tas-Supercoppa. Fiż-żewg konfronti preċedenti ta’ dan l-istaġun, Juventus baqgħu b’idejhom vojta. Fil-partita tal-kampjonat ġewwa San Siro, gowl uniku ta’ Locatelli kien biżżejjed biex Milan ħadu tliet punti prezzjużi minn fuq Juventus. Fil-konfront l-ieħor li sar fit-23 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet, AC Milan rebħu s-Supercoppa wara l-għoti tal-penalties.
F’dan l-artiklu, se nagħti ħarsa daqxejn lejn l-avversarji ta’ Juventus. Preżentament AC Milan jinsabu fis-seba’ post tal-kampjonat taljan b’37 punt. Bi 11 il-rebħa, 4 draws u 5 telfiet, it-tim immexxi minn Vincenzo Montella qed jaspira li fl-aħħar tal-istaġun jassigura postu fil-Uefa Champions League. Plejers interessanti f’dan it-tim hemm ħafna però fosthom hemm l-goalkeeper ta’ 17–il sena li jiddefendi l-lasta, Gianluigi Donnaruma fejn ħafna jqisuh bħala l-eredi numru wieħed ta’ Gianluigi Buffon. Plejers oħra li qed jispikkaw fit-tim ta’ AC Milan huma Bonaventura, Suso, Kucka, u Bacca. It-tim minn Milan s’issa skurja 31 gowl u qala’ 24 wieħed u minn 20 partita s’issa fil-kampjonat, f’sebgħa minnhom żammew ‘cleansheet’. L-ikbar rebħa dan l-istaġun kienet away kontra Empoli bl-iskor ta’ 1-4 u l-ikbar telfa f’dan l-istaġun kienet ġewwa s-San Paolo kontra Napoli bl-iskor ta’ 4-2.
Il-konfront ta’ nhar l-Erbgha li ġej mistenni jkun missielet ħafna fejn Juventus se jkunu qed ifittxu li jegħlbu lil rivali AC Milan għall-ewwel darba dan l-istaġun u jakkwistaw post fis-semifinali tal-Coppa Italia.





