Nhar il-Ħadd li ġej fi Stadio Sant’Elia, Juventus se jkunu qed jilagħbu t-tielet logħba f’sebat ijiem u din id-darba kontra t-tim ta’ Cagliari.

Juventus ġejjin minn żewġ riżultati sodisfaċenti bejn is-Sibt li għadda u nhar l-Erbgħa. Nhar is-Sibt li għadda huma għelbu lir-rivali Inter bl-iskor ta’ 1-0 filwaqt li nhar l-Erbgħa huma marru għand it-tim promoss ta’ Crotone u għelbuhom bl-iskor ta’ 0-2. Wara l-aħħar rebħa kontra Crotone, Juventus kabbru l-vantaġġ fuq Roma għal seba’ punti u jinsabu disgħa fuq Napoli.

B’rebħa kontra Cagliari, il-Bianconeri jkomplu jitfgħu indikazzjoni li għadhom bil-għatx għal iktar unuri fosthom is-sitt kampjonat konsekuttiv.

Dawn iż-żewġ timijiet diġà ltaqgħu kontra xulxin fil-21 ta’ Settembru tas-sena l-oħra fil-konfront tal-ewwel rawnd fejn Juventus kienu ħarġu rebbieħa bi skor u wirja konvinċenti ta’ 4-0 fejn l-iskorers kienu Daniele Rugani, Gonzalo Higuaín, Dani Alves u awtogowl ta’ Ceppitelli.

F’moħħ it-tim immexxi minn Massimiliano Allegri żgur se jkun hemm li jekk ma jirrepetix għallinqas dak l-iskor, għallinqas tkun ripetuta l-prestazzjoni li pproduċa t-tim tiegħu f’dik il-partita. Preżentement it-tim ta’ Cagliari jinsab fil 15-il post fil-klassifika tas-Serie A. Huma skurjaw total ta’ 32 gowl u sofrew 48. Bi 8 rebħiet, 3 draws u 12-il telfa, Cagliari s’issa għandhom l-ammont ta’ 27 punt però jinsabu ’l bogħod miż-żona l-ħamra għaliex jinsabu tlettax-il punt fuq Palermo li jinsabu fit-18-il post.

It-tim immexxi mill-kowċ Massimo Rastelli għandu plejers interessanti fosthom tliet plejers li fil-passat libsu l-flokk iswed u abjad ta’ Juventus. Simone Padoin, Mauricio Isla, u Marco Borriello kienu parti mis-suċċessi miksuba minn Juventus fil-passat.

Fis-sajf li għadda t-tim ta’ Cagliari akkwistaw lid-difensur Portugiż ta’ 35 sena Bruno Alves. Żgur li dan l-akkwist se jservihom ta’ esperjenza biex iżommu posthom fl-ogħla diviżjoni fl-Italja. L-eks goalkeeper ta’ riserva ta’ Buffon, Marco Storari, ħalla lil dan it-tim fis-suq ta’ trasferimenti ta’ Jannar 2017 biex ingħaqad ma’ AC Milan bi tpartit mal-goalkeeper Gabriel.

Daqsxejn statistika fuq it-tim ta’ Cagliari, insibu li f’dan l-istaġun kienet biss partita waħda minn 23 li baqgħu għal partita sħiħa mingħajr ma sofrew gowl. Dan jitfa’ indikazzjoni li hemm xi ftit ta’ nuqqas ta’ dixxiplina fis-settur tad-difiża. Minn 23 partita huma fallew milli jiskurjaw f’7 logħbiet. L-ikbar rebħa s’issa f’dan l-istaġun kienet home kontra t-tim ta’ Atalanta bl-iskor ta’ 3-0 filwaqt li l-ikbar telfa s’issa kienet ġewwa darhom ukoll kontra t-tim ta’ Napoli bl-iskor ta’ 0-5.

Skont statistika oħra fuq dan it-tim turi li huma jħobbu jiskurjaw mis-60 minuta ’l quddiem. 25% tat-32 gowl li skurjaw s’issa, skurjawhom mis-60 minuta ’l quddiem.

Juventus żgur li se jkunu qed ifittxu biex jirrepetu s-suċċess tal-ewwel rawnd kontra Cagliari però żgur li mhux se tkun faċli għaċ-Champions Taljani ġo grawnd diffiċli wkoll. Se jkun test ieħor fit-tiġrija għar-rebħ tal-Kampjonat u se tkun opportunità oħra biex Juventus jikkonfermaw il-potenzjal tagħhom.