Wara l-kwalifikazzjoni ta’ Juventus għas-semifinali tal-Coppa Italia, l-attenzjoni terġa’ ddur fuq il-kampjonat fejn f’Reggio Emilia, Juventus se jaffrontaw lil Sassuolo. B’Roma u Napoli jsegwuhom, Juventus se jkunu qed ifittxu li jakkwistaw it-tliet punti li huma prezzjużi ħafna fit-tiġrija għar-rebħ tas-Serie A.
Preżentement Sassuolo jinsabu fl-14-il post fil-klassifika b’seba’ rebħiet, 3 draws u 11-il telfa u għandhom 24 punt. Wara 21 logħba Sassuolo, immexxijin mil-kowċ Eusebio Di Francesco, skurjaw 31 gowl u sofrew 35.
Fil-partita tal-ewwel rawnd ġewwa l-Juventus Stadium, Juventus kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1. Il-gowls ġew skurjati minn doppjetta ta’ Higuain u gowl ta’ Pjanić għal Juventus u l-gowl ta’ konsolazzjoni għal Sassuolo ġie skurjat minn Luca Antei.
It-tim ta’ Sassuolo jista’ jtellef il-punti lil kull tim bi plejers interessanti fosthom il-goalkeeper Consigli, Acerbi fid-difiża, Alessandro Matri u Domenico Berardi fost ohrajn.
S’issa, fil-kampjonat, Sassuolo fallew li jiskurjaw f’erba’ logħbiet biss. L-ikbar rebħa tagħhom s’issa kienet kontra Palermo bl-iskor ta’ 4-1 u l-ikbar telfa tagħhom s’issa kienet kontra Atalanta bl-iskor ta’ 0-3.
L-aħħar partita li kienu fl-azzjoni fiha kienet il-Ħadd li għadda fejn għand Pescara ħargu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-3.
Sassuolo kontra Juventus żgur li se tkun logħba eċitanti fejn għal Juventus huma imperattivi t-tliet punti fil-ġlieda għar-rebħ tal-kampjonat għas-sitt sena konsekuttiva.






