Waqt li Manchester United qed ikomplu jżidu d-dħul b’rata mgħaġġla, xorta waħda laħqu ċifra fenomenali ta’ dejn, b’żieda ta’ 27.1%.
Dan hekk kif l-aħħar ċifri jindikaw li d-dejn tal-klabb Ingliż qabeż l-€480 miljun, bid-diriġenti jwaħħlu fi Brexit, u l-impatt li dan ir-referendum kellu fuq il-Lira Sterlina u t-tisħiħ tad-Dollaru Amerikan.
Iktar kmieni, sar magħruf li Manchester United irritornaw fil-quċċata tad-Deloitte Football Money League, fejn kienu fl-2005, b’titjib sostanzjali fid-dħul tal-klabb.
Dan hekk kif Manchester United irreġistraw rekord ta’ dħul fi kwart tas-sena, b’iktar minn €185 miljun fil-tieni kwart tas-sena 2016 li tiġi fi tmiemha fil-31 ta’ Diċembru. Iċ-ċifri huma żieda ta’ 18% fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Id-dħul mix-xandiriet ta’ logħob ta’ Manchester United żdied b’40.8% fl-istess kwart tas-sena, għal €61.60 miljun u d-dħul mil-logħob tela’ b’27% għal €45.29 miljun.
Manchester United mistennija jaqilgħu iktar minn €633 miljun fil-perjodu bejn Lulju 2016 u tmiem Ġunju 2017, li jkun ifisser rekord ta’ dħul.
Sors: The Guardian






