Il-gowl skurjat minn Gonzalo Higuaín fit-92 minuta kien ifisser li Torino, għat-tielet darba fi tliet snin, sofrew gowl kontra Juventus fl-aħħar mumenti tal-partita.
Fit-30 ta’ Novembru tal-2014, meta kollox deher li l-partita fil-Juventus Stadium se tispiċċa fi draw ta’ 1-1, Andrea Pirlo kien ivvinta xutt minn 25 metru ’l bogħod mil-lasta ta’ Torino fejn il-ballun baqa’ sejjer fir-rokna tax-xibka biex tefa’ lil Juventus fil-vantaġġ fost id-dellirju ta’ ferħ tal-partitarji u l-istaff tekniku Juventin.
Kien imiss il-31 t’Ottubru tal-2015 meta rġajna fil-Juventus Stadium, il-Bianconeri rebħu l-partita fl-aħħar sekondi tal-logħba. Bħal ma ġara fil-logħba l-oħra, hawnhekk l-iskor kien 1-1 meta fit-93 minuta fl-aħħar azzjoni tal-logħba, Alex Sandro avvanza mal-linja xellugija fejn tefa’ kross fil-baxx u Juan Cuadrado daħal bħal vleġġa u tefa’ l-ballun fix-xibka għat-tieni gowl ta’ Juventus. Ħafna jibqgħu jsostnu li dan il-gowl kien it-turning point fl-istaġun għax wara din il-partita Juventus baqgħu sejrin b’mixja pożittiva ghar-rebħ tal-ħames kampjonat konsekuttiv.
Wara dawn iż-żewġ partiti kien imiss propju llum, is-6 ta’ Mejju 2017. Torino kienu fil-vantaġġ bl-iskor ta’ 1-0 iżda fit-92 minuta Higuaín b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa għeleb lil Joe Hart biex salva punt prezzjuż għal Juventus biex b’hekk kompliet din is-sensiela negattiva għal Torino fejn żgur li l-ħin miżjud wara d-90 minuta sar ħolma kerha għal dan it-tim.
Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.
Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com