Il-passjonijiet tiegħu huma l-Juventus, it-tim Nazzjonali Malti u ċ-ċinema. Għandu 48 sena li minnhom, ilu 33 sena kollezzjonist, fost oħrajn ta’ ħafna affarijiet uniċi Juventini. Kenneth John Formosa tkellem ma’ juventusmalta.com proprju dwar din il-kollezzjoni tiegħu.

Kenneth qalilna kif kollox beda mill-firem u ritratti tal-plejers Ġermaniżi li kienu lagħbu kontra Malta f’pajjiżna, f’partita li kienet spiċċat 3-2. Hu għandu memorabilia unika, bil-flokkijiet kollha tat-tim Nazzjonali Malti, ħlief dak tal-1957. Kenneth huwa wkoll voluntier u jgħin ħafna lil Puttinu Cares u spiss iċedi partijiet mill-kollezzjoni tiegħu biex jitpoġġew għall-irkant u jinġabru flus għal Puttinu stess.

Però ma’ Kenneth tkellimna l-aktar dwar il-juventinità tiegħu u l-kollezzjoni Juventina li għandu. Staqsejnieh xi tfisser għalih li għandu din il-kollezzjoni kollha tal-Juventus f’Malta. Kenneth qalilna li, “propjament dak li rajtu meta ġejtu huwa ftit milli jien żammejt għax il-kollezzjoni tiegħi tal-Juventus issa qed jieħu ħsiebha, jindukraha u jkabbarha ħabib kbir tiegħi Noel Borg. Inħoss li l-kollezzjoni tal-Juventus li hawn f’Malta ma tagħmilx għajb għall-mużew tal-Juventus ġo Turin.” Infatti Kenneth għandu wkoll xi affarijiet minn tiegħu li huma mislufin fil-J Museum.

Kenenth John Formosa

Marru jżuru l-kollezzjoni li għandu fin-Naxxar anki l-crew tal-Juventus Channel li marru jagħmlu programm proprju minn hemm. Kenneth kien deher anki fir-rivista uffiċjali, ‘Hurra’ Juventus’ iżomm f’idejh edizzjoni storika tar-rivista tal-1924, li Kenneth għandu fil-kollezzjoni. Kenneth għandu wkoll kollezzjoni unika fl-Ewropa. Infatti għandu l-flokkijiet u ritratt bil-firem tal-plejers kollha li rebħu l-Ballun tad-Deheb sal-lum il-ġurnata. Ovvjament anki tal-Juventini: Sivori, Rossi, Baggio, Nedved, Cannavaro u ta’ Zidane li lagħab bih ma’ Franza kontra Malta.

Kenenth John Formosa

Is-Sur Formosa iltaqa’ ma’ diversi leġġendi tat-tim favorit tagħna. Kenneth irrakontalna kif darba għamel madwar siegħa u nofs jitkellem ma’ Boniperti, li flimkien ma’ Sivori, jikkunsidrahom bħala l-aqwa Juventini fl-istorja. Ta’ Boniperti għandu saħansitra flokk tal-1953. Iltaqa’ kemm-il darba, anki riċentament, ma’ Dino Zoff u għandu diversi flokkijiet u ingwanti minn tiegħu. Kien mingħandu li sar jaf li dak iż-żmien, l-ingwanti tal-gowlkiper fuq ġewwa kienu jagħmlulhom materjal tal-palletta tat-table-tennis biex il-ballun ma jiżloqx. Għal Kenneth, Boniperti u Zoff huma uniċi, bħalma għandu għal qalbu wkoll lil Gaetano Scirea, u li fl-1989 kien attenda għall-funeral tiegħu. Dakinhar kienet l-unika darba li ra lill-Avvocato Gianni Agnelli. Mill-banda l-oħra kellu ċ-cans jiltaqa’ ma’ Umberto Agnelli u anki kellmu.

Kenenth John Formosa

Waqt li jurina manikin tal-ekskowċ Marcello Lippi, Formosa jirrakontra wkoll l-istorja tiegħu. Li kien iltaqa’ mal-Mister fil-lukanda, u talbu xi ħaga minn tiegħu. Lippi kien tah it-tracksuit u l-flokk tat-taħrig. Lura Malta, artist ħabib tiegħu għamillu skultura ta’ Lippi, u biex l-istatwa tkun kompluta kien fadallu biss iż-żarbun. Kenneth reġa’ mar Turin jiltaqa’ ma’ Lippi, urieh ritratt tal-istatwa tiegħu u talbu żarbun minn tiegħu. Lippi kien daqshekk disponibbli li għalkemm il-Juve kienu bidlu l-isponsor, (minn Lotto għal Nike), hu mar id-dar ifittex u ġablu żarbun bl-isponsor l-antik, biex il-kollezzjoni tkun waħda kompluta u ġenwina.

Biex jibni kollezzjoni hekk, Kenneth kellu bżonn ħafna riċerka u paċenzja. Beda jibni l-kuntatti ftit ftit u min jaf kemm-il darba ngidem jew waqa’ għaċ-ċajt. Hemm bżonn ukoll ta’ dedikazzjoni u perseveranza. Kenneth tgħallem ma jiddejjaqx, u fejn hemm bżonn iwaqqaf xi plejers biex jitlob xi firma, jagħmilha. Għalkemm hu stess ammetta li kellu okkażjonijiet fejn staħa, u wara ddispjaċih. Wieħed mid-dispjaċiri kbar, “huwa li kont qed niftiehem ma’ John Charles biex jiġi jintroduċi l-bijografija tiegħu hawn fejn inżomm il-kollezzjoni u ma rnexxietx. Konna ilna nitkellmu u anke rriżervajtlu l-biljetti tal-ajru għalih u l-mara. Sfortunatament, għadda l-Italja l-ewwel qabel ġie hawn u ħassu ma jiflaħx u miet. Allura sfaxxat din l-attività.”

Kenenth John Formosa

Kenneth jammetti li l-plejers tal-passat jaffaxxinawh iktar għax l-attakkament għall-flokk kien ferm iktar milli llum. “Meta konna tfal, il-formazzjoni konna nafuha bl-amment u n-numru kien sinonimu mal-flokk.” Mit-tim attwali hemm żewġ plejers li għalih jaqgħu wkoll f’dik il-kategorija, Buffon u Marchisio, “u għalkemm ta’ Buffon għandi ħafna affarijiet (fosthom il-faxxa ta’ captain, żarbun, flokk tal-Juve u anki tal-Italja), ta’ Marchisio għad m’għandix u naħseb li dak xi darba nixtiequ.”

Aħna nawgurawlu wkoll, kif inhu xieraq, li anki l-flokk ta’ Claudio Marchisio jkun parti mill-kollezzjoni unika li għandu Kenneth, segwaċi Juventin hawn fostna f’pajjiżna.

Kenenth John Formosa