Staġun 1976-77. Fl-aħħar wasal iż-żmien għar-rebħ tal-ewwel unur Ewropew għal Juventus.

Fil-passat, il-Bianconeri kienu telgħu tliet darbiet sal-final ta’ kompetizzjonijiet Ewropej. F’Mejju tal-1965 Juventus kienu affrontaw lit-tim Ungeriż ta’ Ferencváros fil-finali tat-Tazza tal-Fieri (snin wara din il-kompetizzjoni biddlet isimha għat-Tazza Uefa). Juventus tilfu din il-finali 1-0 (il-finali kienet fuq bażi ta’ logħba waħda).

Fl-istaġun 1970-71 Juventus reġgħu kellhom mixja ferm pożittiva fl-istess kompetizzjoni. Din id-darba r-rivali tal-Bianconeri fil-finali kienu l-Ingliżi ta’ Leeds United. Wara draw ta’ 2-2 fl-ewwel logħba ġewwa Turin, it-timijiet reġgħu ltaqgħu f’Leeds fejn il-logħba mill-ġdid intemmet fi draw. Ir-riżultat ta’ 1-1 ġewwa Leeds kien ifisser li t-tim Ingliż rebaħ it-tazza grazzi għar-regola tal-gowls skurjati barra minn darhom.

It-tielet finali mitlufa kienet dik fil-kompetizzjoni tat-Tazza taċ-Champions tal-istaġun 1972-73. F’din il-finali, li ntlagħbet f’ Belgrad, Juventus kellhom ibaxxu rashom għall-qawwa tat-tim Olandiż ta’ Ajax. Rep kien skurja l-uniku gowl tal-logħba.

B’hekk wasalna għall-finali tat-Tazza Uefa kontra Athletic Bilbao. Fl-ewwel logħba ġewwa Turin, Juventus rebħu bl-iskor minimu ta’ 1-0 grazzi għall-gowl skurjat minn Tardelli.

Insegwu l-andament tal-logħba tal-finali ta’ ritorn li ntlagħbet fi Spanja.