It-tim ta’ Juventus rebaħ it-turnew ta’ Viareggio għad-disa’ darba wara li fil-finali tat-68 edizzjoni ta’ dan it-turnew, għelbu lit-tim ta’ Palermo bl-iskor ta’ 3-2 wara finali missielta li ġiet deċiża b’penalti ta’ Di Massimo fl-aħħar battuti tal-logħba. Ta’ min ifakkar li dan huwa l-ewwel unur għal Fabio Grosso fit-tmun tal-Primavera.

Kienet partita fejn it-tim ta’ Juventus beda fuq l-offensiva mal-ewwel, fejn b’mod partikolari Gabriele Bove u Grigoris Kastanos kienu ta’ preokkupazzjoni assoluta għad-difiża rosanero. Madankollu, Palermo ma qagħdux lura u kien Simone Lo Faso li ħa l-inizjattiva għal Palermo b’xutt minn barra l-kaxxa. Però, kienu Juventus li fetħu l-iskor permezz ta’ Kastanos li wara li rċieva minn Roman Macek fil-kaxxa l-kbira, b’kalma u kunfidenza kbira qabeż plejer fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx tefa’ fix-xibka għal 1-0. Dan il-gowl xorta waħda ma qatax lil Palermo barra mill-isfda, u infatti, fit-28 minuta, it-talent promettenti Antonino La Gumina ġab id-dro wara inċertezza min-naħa tal-gowlkiper Mattia Del Favero. Ftit minuti wara, reġa’ kien La Gumina li kważi tefa’ lil Palermo fil-vantaġġ iżda din id-darba Del Favero kien attent. Wara xi kambjamenti tattiċi fejn fost l-oħrajn, Kastanos niżel fl-irwol ta’ trekwartista, it-tim ta’ Juventus irdoppja l-iskor minn penalti mogħti minn Guido Vadalà, penalti li Macek irnexxielu jirbaħ b’determinazzjoni kbira. Il-ferħa ta’ Juventus madankollu ma damitx ħafna, hekk kif La Gumina reġa’ ġab id-dro għal Palermo bid-disa’ gowl tiegħu fit-turnew permezz ta’ penalti ieħor, li rebħu l-plejer ta’ Palermo stess wara fawl ta’ Yoan Severin.

Fit-tieni taqsima il-partita kienet kundizzjonata ħafna mis-sostituzzjonijiet li għal xi mumenti naqqsu r-ritmu ta’ din il-partita. Palermo kienu ferm aħjar fit-tieni taqsima fejn dehru iżjed friski u determinati li jmorru fil-vantaġġ permezz ta’ Lo Faso u La Gumina, li iżda sabu lil Del Favero ferm attent f’kull sitwazzjoni. Juventus bdew joqorbu lejn il-lasti ta’ Palermo b’ritmu baxx ħafna, fejn l-ewwel wieħed li ħa l-inizjattiva kien Vadalà li b’xutt tajjeb impenja lill-gowlkiper ta’ Palermo. Ftit tal-minuti wara, iżda, ix-xorti ppremjat lil Juventus (mhux soltu li x-xorti tippremjana f’finali, hux?), fejn wara li Alessio Di Massimo rebaħ penalti, huwa stess ikkonverta mill-ħdax-il metru, sabiex tefa’ lil Juventus fil-vantaġġ.

Juventus baqgħu jissieltu sal-aħħar sabiex jipproteġu dan il-vantaġġ sabiex assiguraw ruħhom mid-disa’ trijonf f’dan it-turnew prestiġġjuż fil-futbol taż-żgħażagħ. Nawguraw li minn fost il-plejers rebbieħa ta’ din l-edizzjoni, ikollna minnhom li ’l quddiem jiktbu l-istorja mat-tim ta’ Juventus.