Bħalma d-dinja kollha taf, ilbieraħ Juventus varaw arma ġdida. Fuq il-midja soċjali ma tantx jidher li ntlaqgħet tajjeb u anke mill-ftit li tkellimt ma’ ħbieb tiegħi.

Dawn huma xi ħsibijiet tiegħi.

In-Negattiv

  • L-istrixxi bojod u suwed ikoniċi tal-klabb telqu.
  • Dik arma ta’ klabb tal-futbol?
  • Se tkun fuq il-flokkijiet u ma tantx naraha taqbel.
  • Meta kelli disa’ snin pinġejt arma isbaħ.

Il-Pożittiv

  • Simbolu sempliċi biex jinftakar.
  • Faċli biex jinbiegħ.
  • Modern.

Fuq in-negattiv ma tantx hemm fejn timraħ u taħseb, imma fuq il-pożittiv hemm fejn tiftaħ. Il-punti kollha li semmejt juru biċ-ċar li kienet għażla relatata mal-kummerċ u mad-ditta Juventus.

Kif wieħed jara J jew j miktuba xi mkien, mill-ewwel jassoċjaha ma’ Juventus, jiftakar fil-klabb u forsi jitħajjar iżomm magħhom jekk ikun żgħir jew jixtri xi ħaġa jekk ikun kbir. Kumpaniji kbar bħal Google, Facebook u Twitter għamlu hekk. Kif tara G, F jew T tiftakar fil-kumpaniji rispettivi. Din l-arma tfakkarni f’dak li kien qal l-Avvocato : “Mi emoziono ogni volta che vedo sui giornali una parola che inizia per J” – Nitqanqal kull meta nara kelma tibda bil-J fil-gazzetti. Juventus iridu jagħmlu l-istess ħaġa mad-dinja kollha, flok ma’ persuna waħda biss.

Faċli biex jinbiegħ għax huwa appuntu modern u pjuttost newtrali. Kif qalli ħabib tiegħi, iżjed faċli tbigħ ħwejjeġ b’J fuqhom milli Juventus jew l-arma l-antika. Għal darb’oħra, hija xi ħaġa relatata mal-kummerċ.

Huwa veru li qisu logo ta’ kumpanija tal-IT, jew ta’ xi assikurazzjoni, imma Juventus iddeċidew li jieqfu jkunu klabb tal-futbol biss u jsiru kumpanija ta’ vera, ditta ta’ vera, rinomata mad-dinja kollha b’reputazzjoni tajba għall-kwalità. Din l-idea, jekk tirnexxi sew u m’għandhiex għala le, ħa tiġġenera ħafna ħafna flus u twassal għal sponsors u riklami kbar.

Din tat-tibdil tal-arma huwa biss parti minn pjan twil li ilu li beda. Il-bini tal-J stadium kien il-bidu ta’ kollox, lura fl-2006 bl-idea li kienet ilha ddur f’moħħ id-diriġenti mill-2002.

Ħafna sapporters igergru li Manchester United, Real Madrid u Barcelona jixtru lil min iridu u Juventus mhux kapaċi jagħmlu hekk. Biex Juventus jiġu bħalhom u jkunu kapaċi jixtru mingħajr ma jbigħu, iridu jżidu l-qligħ minn postijiet oħra. Għalhekk, pereżempju, qed jissemmew il-J Hotels, lukandi proprjetà ta’ Juventus jew lukandi li jużaw il-logo J bi ħlas lil Juventus. L-istess il-J Village u għaliex il-maskot jismu J. Il-klabbs li semmejt ilhom żmien jaħsdu mis-suq Ażjatiku u Oċeaniku kif ukoll dak Għarbi.

Issa wieħed jifhem għala l-grawnd jismu J Stadium u Juventus irrifjutaw somom kbar, mingħand Adidas fost l-oħrajn, biex jieħdu ħsieb huma tal-kummerċ tal-klabb. Sfortunatament il-futbol sar marbut ħafna mal-flus, u jekk Juventus iridu jkunu kompetittivi jridu jiġġeneraw il-flus, għax mingħajr flus, la tgħannaq u lanqas tixtri stilel illum il-ġurnata. Għal darb’oħra, Juventus juru li fehmu x’hemm bżonn isir biex issa qegħdin ħmistax-il sena ’l quddiem minn kull klabb Taljan ieħor.

dical-banner-1200×280