It-tim tal-Primavera mmexxi minn Fabio Grosso safa megħlub mir-rivali Inter fl-ewwel leg tal-finali tat-Tim Cup illi ntlagħbet ġewwa l-Juventus Stadium.

Bejn sfortuna u anke forsi eċitament għall-fatt li kienu qegħdin jilagħbu quddiem pubbliku numeruż, it-tim ta’ Juventus ma weriex il-logħob sabiħ illi pproduċa fit-turnew ta’ Viareggio u ta’ dan pattew qares għaliex gowl ta’ Bonetto wara 26 minuta ra lil Inter jiskurjaw il-gowl li ħa jkunu qegħdin jibdew bih fit-tieni leg fis-San Siro.

Fost l-iżjed perikolużi għal Juventus kienu s-soliti Grigoris Kastanos, Andrea Favilli u Guido Vadalá, b’dan tal-aħħar ikollu żewġ gowls imħassra għal offside u saħansitra laqat anke l-lasta. Ta’ min isemmi wkoll il-prestazzjoni pożittiva taċ-Ċek Roman Macek, illi dan l-istaġun għamel il-qabża ta’ kwalità li bis-saħħa tagħha jaf ma ndumux ma narawh fit-18 ta’ Massimiliano Allegri.

Partita li minkejja spiċċat b’rebħa għal Inter bl-iskor ta’ 0-1, u minkejja l-gowl barra minn darhom għan-neroazzurri, għadha miftuħa, speċjalment meta tikkunsidra li f’livell żagħżugħ, il-partiti huma dejjem missielta u avventurużi.