Fil-belt kapitali Ruma waslet it-tieni rebħa konsekuttiva għaċ-Champions Taljani kontra Lazio.

Juventus ħarġu rebbieħa f’partita fejn għalkemm ma kinux fl-aqwa forma possibbli, fit-tieni taqsima ħarġet il-qawwa tal-iskwadra. Fl-ewwel taqsima Juventus iddiżappuntaw u kienu nieqsa ħafna mill-kreattività fil-midfield. Minħabba din il-problema batew ħafna l-attakkanti għax ma bdewx jirċievu dawk il-blalen delizzjużi mill-midfield.

Punt pożittiv ħafna f’din il-partita kien Medhi Benatia. Kienet l-ewwel preżenza tiegħu f’partita kompetittiva u ħareġ bl-unuri. Kien verament sod fit-tridente tad-difiża flimkien mas-soliti Barzagli u Chiellini fejn dan tal-aħħar kien bla dubju l-aħjar player tal-partita.

Fit-tieni taqsima ħarġet iktar is-saħħa ta’ Juventus fejn bdew joperaw iktar bil-kontrattakki. F’nofs it-tieni taqsima, fost il-kant u dellirju ta’ ferħ tal-partitarji numerużi preżenti fl-Istadio Olimpico, daħal fil-pitch Gonzalo Higuaín.

Eżatt fl-azzjoni ta’ wara wasal il-goal rebbieħ ta’ din il-partita permezz tal-midfielder Ġermaniż Sami Khedira. Kien it-tieni gowl minn żewġ partiti għal dan il-midfielder li qed ikun fundamentali bħall-istaġun li għadda għat-tim ta’ Juventus.

Lejn l-aħħar tal-partita rajna punt pożittiv ieħor f’din il-partita hekk kif rajna wkoll id-debutt ta’ Pjaca, akkwist ieħor minn Juventus dan is-sajf. Kollox ma’ kollox kienet rebħa sofferta però importanti ferm kontra tim organizzat ħafna. Tnejn minn tnejn u l-mixja tkompli!

dical-banner-1200×280