minn Marlon Hili, Kap Eżekuttiv tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero

L-ewwel nies nixtieq nibda billi f’isem sħabi tal-Kumitat nifraħ lilkom kollha u nixtieq lil kulħadd festi mil-isbaħ flimkien mal-maħbubin tiegħu. Fl-istess ħin nawgura li jkollkom sena ġdida pożittiva u mimlija ferħ, hena u suċċessi Juventini.

Issa li waslet biex tintemm is-sena, bħala klabb nistgħu nħarsu lura u nevalwaw aktar dak li sar, dak li ma sarx, kif wkoll x’seta’ jsir b’mod differenti; dejjem għal benefiċji aħjar għalikom il-membri.

Anness ma’ dan l-artiklu ser issibu kwestjonarju li nitlobkom timlew. Dan biex ittuna l-opinjoni tagħkom b’mod anonimu fuq il-ħidma tal-klabb u dik tal-bar; il-JCMCB Bar & Grill.

Is-sena 2018, bħala klabb, nista’ ngħid li kienet sena pożittiva mil-lat amministrattiv u anke numerikament f’dak li għandu x’jaqsam man-numru ta’ membri u anke attendenza. Ma ninsewx li f’Jannar ta’ din is-sena l-klabb biddel kompletament is-sistemà tat-tesserament biex żied l-istess tesserament għal tnax-il xahar u mhux aktar sal-aħħar tal-istaġun. Konġunta ma’ din l-inizjattiva nidejna wkoll skema ta’ skontijiet minn diversi kumpaniji bil-ħsieb li nżidu l-valur tal-istess tesserament.
Bidla oħra importanti kienet it-tiġdid tar-rwoli prinċipali ta’ dan il-Kumitat fejn kien hemm dan it-tibdil: President (Gordon Pace), Viċi President (Paul Valletta), Segretarju (Peter Paul Cassar) kif il-konferma tat-Tezorier (David Baldacchino).

Ġew introddoti rwoli ta’ Kap Eżekuttiv (Marlon Hili) kif ukoll dak ta’ Konsulent Legali (Raiza Borg Carr) sabiex il-klabb jaċċerta ruħu li dejjem jimxi skond il-liġijiet rispettivi.

Matul is-sena sar ukoll xogħol kontinwu fil-binja tal-klabb. Inbidlet is-sistemà tas-sawnd għal waħda aktar professjonali u anke ġew installati settijiet tat-televiżjoni fil-veranda u t-terazzin biex ikunu akkomodati b’mod speċjali dawk li jħobbu jieħdu xi sigarett waqt il-logħob.

Sar ukoll ħafna iktar xogħol speċjalment fit-tisħiħ tal-qagħda finanzjarja tal-klabb fost ħafna affarijiet oħra. Għalhekk nistedinkom għal-Laqgħa Ġenerali Annwali li din is-sena ser ssir fi Frar (dettalji aktar ‘il quddiem).

Nixtieq nirrimarka wkoll dwar xi kritika li riċentament irċivejt mingħand xi membri li kkritikaw il-prezz għoli tal-biljetti. Il-Kumitat stess jinnota u hu stess kritiku ta’ dawn il-prezzijiet. Tifhmu li sfortunatament il-prezzijiet mhux xi ħaġa li l-Kumitat għandu kontroll fuqhom u, għalkemm qegħdin naħdmu sabiex tinstab sistemà jew sorsi differenti, irħas u fl-istess ħin affidabbli daqs is-sistemà li hemm llum.

Oħrajn innutaw il-fatt li l-membri tal-Kumitat qatgħu xi ftit il-kuntatt minn mal-membri. Waqt li nammetti xi nuqqasijiet min-naħa tal-Kumitat rigward komunikazzjoni mal-membri. Dan kien dovut għall-fatt li fl-aħħar sena ffokajna ħafna, jew forsi anke żżejjed fuq il-lat amministrattiv biex saħħaħna l-istrutturi tal-klabb. Madankollu, f’isem sħabi, inwegħdu lill-membri kollha li se jsir dak kollu possibli sabiex jinżamm kuntatt kontinwu anke permezz ta’ laqgħat u attivitajiet sabiex anke nitkellmu magħkom u nitjiebu flimkien. Hawnhekk inħeġġeg lill-membri sabiex jattendu għall-attivitajiet li jiġu organizzati mil-klabb.

Iktar kmieni semmejt l-Laqgħa Ġenerali Annwali, u l-fatt li ser issir fi Frar. Dan kuntrarju għas-soltu, fejn aħna imdorrijin li din issir f’Awwissu. Din il-bidla ma saritx b’kapriċċ, iżda għaliex matul is-sena l-Kumitat ħa ħsieb li jikkonforma ruħu mar-regoli tad-Dipartiment tal-Organizzazjonijiet Volontarji u mal-liġijiet iktar stretti li qegħdin jiġu imposta fuqna. Waħda minnhom hi proprja li din il-Laqgħa trid tiċċaqlaq u ssir aktar kmieni matul is-sena.

Ma nistax ma nsemmix u nirringrazzja lit-tmexxija tal-bar ta’ dan il-klabb, il-JCMCB Bar & Grill, li matul din is-sena ħadmet bla waqfien sabiex toffri servizz tajjeb u professjonali lill-membri waqt il-logħob. Fl-istess ħin irnexxielhom iżommu l-binja tal-klabb attiva b’diversi attivitajiet anke waqt il-ħinijiet li l-klabb ma jkunx qiegħed ixandar il-logħob ta’ Juventus.

Nikkonkludi billi nsellem u nirringrazzja b’mod speċjali lill-President uxxenti ta’ dan il-klabb, Jean Borg, li kien magħna mill-bidu nett u kien pilastru fis-suċess ta’ dan il-klabb. Nirringrazzja wkoll lil Saviour Camilleri, Omar Busuttil kif ukoll lil Eman Vella li matul din is-sena talbu sabiex jiefqu mill-ħidma tagħhom fil-Kumitat, iżda fl-istess waqt baqgħu jattendu b’mod regolari jew jasistu b’mod jew ieħor fis-suċċess miksub.

Il-festi t-tajba lil kulħadd.

Bħala parti mill-ħidma kontinwa tagħna sabiex intejbu s-servizz tagħna lejn il-membri Juventini, qed intellgħu dan il-kwestjonarju sabiex nanalizzaw fid-dettall l-esperjenza tagħkom fil-klabb tagħna.

dical-banner-1200×280