Forsi bħala Juventin ma tantx għandi ħeġġa nikteb dan l-artiklu fuq Totti, imma sforz l-imħabba lejn l-isport tal-futbol u l-imħabba lejn il-futbol Taljan, ma nistax noqgħod mingħajr ma nikteb fuq il-leġġenda Taljan (u forsi wieħed mill-ftit li fadal) fil-kampjonat li aħna tant inħobbu.

24 sena ta’ Totti fil-kampjonat Taljan. Rebbieħ ta’ kampjonat wieħed tas-Serie A, rebbieħ ta’ żewġ Coppa Italia u Supercups Taljani. Totti huwa t-tieni l-iktar plejer li skurja gowls fil-kampjonat Taljan b’250 gowl. Kien ukoll rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja 2006 ġewwa Berlin b’gowl fl-aħħar minuti kontra l-Awstralja kif ukoll penalty kontra Franza fil-finali li wasslu għar-4 Tazza Mondjali fi ħdan it-Taljani.

24 sena ta’ Er Pupone. 24 sena ta’ abilità unika, gowls straordinarji, set pieces maġiċi u klassi indiskussa. Għalkemm Totti kellu temperament baxx, tarah jilgħab kont titgħallem tħobb il-futbol bla ma trid speċjalment fil-passat. Wieħed mill-isbaħ gowls jibqa’ bla dubju kontra Inter wara li qabeż numru ta’ plejers imbagħad b’cucchiaio minn barra l-kaxxa, u Giuseppe Meazza u l-partitarji li marru fit-tramuntana tal-Italja jinfaqgħu f’għajjat u storbju.

Bħala Juventin huwa diffiċli li nikteb dan kollu, 24 sena ta’ rivalità lejna b’kummenti lejn is-soċjetà tagħna li żgur irrabjawni mhux ftit. Però l-abilità ta’ Totti żgur mhux forsi ġġegħelni nħobb l-isport dejjem iktar u ngħożż l-aħħar ftit leġġendi li għadhom jeżistu fis-Serie A u fid-dinja tal-futbol, leġġendi li jilagħbu għall-flokk u għall-arma tas-soċjetà.

dical-banner-1200×280